L-Ispettur Bonnici jinħadem f’serje televiżiva

F’dawn l-aħħar ġranet beda l-ġbid ta’ serje televiżiva ġdida li għandha bħala protagonist karattru li diġà kiseb suċċess fit-teatru Malti.

Ritratt: Neo Borg Bonaci; Ritratt: Facebook/MichaelKissaun

L-Ispettur huwa addattament televiżiv tat-triloġija tal-produzzjonijiet Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispettur Bonnici, L-Għerf u l-Glorja tal-Ispettur Bonnici, u Ave Marija għall-Ispettur Bonnici miktuba minn Mario Philip Azzopardi.

Minn informazzjoni li newsbook.com.mt kiseb, din is-sensiela se tkun qed tixxandar fuq TVM minn April tas-sena d-dieħla. B’kollox hemm maħsuba 10 puntati.

Dan il-kapolavur teatrali ġie ppubblikata wkoll fi ktieb li nħareġ is-sena l-oħra.

Mario Micallef se jkun qiegħed jerġà jilbes l-uniformi tal-Ispettur Salvu Bonnici waqt li Monica Attard se terġà tinterpreta lill-mara tiegħu, Karmen. Jieħdu sehem ukoll Marvic Cordina, Ramona Mamo DeGiovanni u Narcy Calamatta fost oħrajn

Bla dubju li din is-sensiela se żżomm l-istess livell għoli li rajna diġà fuq il-palk u l-kliem tal-awtur u direttur Mario Philip Azzopardi li “kollox miexi ħarir” iqanqal l-aspettativa tal-pubbliku Malti u Għawdxi biex fi ftit xhur oħra jkun jista’ jerġa’ jgħix din l-istorja mqanqla tal-Ispettur Bonnici, li dejjem mexa b’mod rett iżda jispiċċa maqbud f’sitwazzjoni fejn ikollu jagħmel għażliet diffiċċli li jimxi mal-ġustizzja, akkost li titfarrak il-familja tiegħu.