218-il sewwieq jinqabdu kuljum mill-ispeed cameras

Statistika mogħtija fil-Parlament turi li bejn Ġunju 2016 u Ġunju ta’ din is-sena, l-Aġenzija tal-Infurzar lokali ħarġet 79,608 ċitazzjoni lil sewwieqa li saqu b’veloċità iktar mil-limitu u nqabdu bl-ispeed cameras.
F’Malta hawn 21 speed camera fi 13-il lokalità. F’Għawdex m’hemmx speed cameras.
L-iktar speed camera bieżla hija dik ta’ Triq in-Nutar Żarb f’Ħ’Attard int u sejjer lejn ir-Rabat, fejn f’sena weħidha teptpet 12,265 darba.
Dan anke għax il-veloċità massima ta’ 50 kilometru fis-siegħa faċli taqbżu jekk ma toqgħodx attent.
Wara Ħ’Attard, iż-żewġ speed cameras li hemm fiż-żewġ karreġġjati tal-bypass ta’ Birkirkara qabdu bejniethom 12,861 sewwieq isuq b’veloċità iktar milli suppost.
Mill-banda l-oħra, is-sewwieqa jidhru li draw isuqu bil-galbu u skont il-limitu meta għaddejjin mill-bypass tal-Imrieħel.
Iż-żewġ speed cameras, waħda fuq kull naħa xegħlu mhux iktar minn 606 darba li tfisser medja ta’ inqas minn darba kull wieħed kuljum.