L-ispeċjalisti tas-saħħa jridu aktar miżuri restrittivi

Mater-Dei-Hospital-Nurses
Miguela Xuereb

L-ispeċjalisti tas-saħħa appellaw biex il-Gvern ikun proattiv u jżid il-miżuri restrittivi, filwaqt li jkun aktar trasparenti fuq il-programm tat-tilqim kontra l-coronavirus.

Fi stqarrija maħruġa minn għadd ta’ assoċjazzjonijiet mediċi, huma esprimew id-dispjaċir tagħhom bil-qabża fil-każijiet tal-coronavirus.

Spjegaw li għalkemm ħafna nies qed jaġixxu b’mod responsabbli, parti żgħira mill-pubbliku aġixxiet b’mod traskurat u irresponsabbli fi żmien il-festi, u dan l-aġir kompla jiggrava min-nuqqas ta’ rieda politika li jkun ristrett it-taħlit bejn in-nies.

L-ispeċjalisti qalu li jittamaw li dan ma jerġax jiġi fil-Karnival, madankollu insistew fuq il-ħtieġa li l-Gvern ikun proattiv u jżid il-miżuri. Apparti hekk, indirizzaw il-bżonn li l-politiċi jżommu lura milli jużaw diskors li mhuwiex xjentifiku u li jħawwad lin-nies.

Dwar il-vaċċin, l-ispeċjalisti qalu li sakemm tkun tlaqqmet bejn 60% u 70% tal-popolazzjoni, ir-riskju tal-Covid-19 jibqa’ wieħed kbir. Għalhekk, huma appellaw lill-Gvern biex iżomm lil kulħadd infurmat fuq l-andament tat-tilqim kontra l-Covid-19.

Huma ħeġġew lin-nies biex jimxu mal-miżuri u biex jieħdu l-vaċċin.

“M’aħniex qrib tan-normalità u li wieħed jgħid li qrobna lejha huwa ta’ insult għall-frontliners, għall-vittmi tal-Covid u l-familji tagħhom. Issa qegħdin nistennew żieda fin-nies li jidħlu l-isptar u aktar imwiet.” Apparti hekk, l-assoċjazzjonijiet ikkummentaw dwar kif għandhom l-impressjoni li l-politiċi qegħdin jirrifjutaw li jieħdu l-pariri tal-esperti fil-qasam.

L-assoċjazzjonijiet firmatarji tal-istqarrija huma: il-Kulleġġ Malti tal-Patologi, il-Kulleġġ Malti tal-Ginekoloġija, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Oftalmologi, is-Soċjetà Ġerjatrika Maltija, l-Assoċjazzjoni tal-Anestetisti, l-Assoċjazzjoni Maltija tad-Dermatoloġija u l-Venereoloġija, l-Assoċjazzjoni Pedjatrika Maltija, l-Assoċjazzjoni Maltija tar-Radjologi u tat-Tobba tal-Mediċina Nukleari, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Otorinolaringoloġija u tal-Kirurġija fir-Ras u l-Għonq, l-Assoċjazzjoni tal-Kirurgi f’Malta u l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Mediċina tas-Saħħa Pubblika.

Taqbel li jiżdiedu l-miżuri?

Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt