L-Ispeaker mitlub jintervjeni dwar dak li qal Alex Muscat fuq Robert Aquilina

Read in English.

Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina talab lill-Ispeaker għal ruling dwar diskors li ntqal mis-Segretarju Parlamentari Alex Muscat waqt laqgħa tal-kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi. Muscat qal li d-deputat Nazzjonalista bagħat lill-ħuh, il-President-elett tal-għaqda Repubblika Robert Aquilina biex joqgħod jheddu waqt il-protesti tas-sena li għaddiet.

Waqt is-seduta tat-Tlieta filgħodu, Muscat qal li ma kienx se jirtira dan il-kliem għax skontu, dan hu “stat ta’ fatt”. Għad-difiża ta’ Muscat, qam il-Ministru Michael Falzon fejn qal li minkejja li hu ma kienx preżenti għal-laqgħa tal-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi u allura ma jafx x’intqal, kien preżenti waqt l-imsemmija protesti u effetivament seħħ dak li stqarr Muscat u żied jgħid li waqt l-imsemmija protesti ntużaw xi drones u ntefgħu bajad fid-direzzjoni tagħhom.

Intant, fi blogg fuq Newsbook.com.mt, Robert Aquilina sostna li dak li qal fuqu Alex Muscat kienet gidba u stqarr li hija gidba wkoll dik tal-Prim Ministru Robert Abela li qed jippreżenta lil dak li kien il-viċi ta’ Keith Schembri bħala ‘wiċċ ġdid’.