L-Ispeaker jipproponi li l-Parlament jitlaqqa’ online

L-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li s-sessjonijiet tal-Parlament jistgħu jsiru permezz tat-teknoloġija tal-video conferencing. Farrugia qal li lest jirtira r-regolamenti tal-quorum u multi minħabba l-assenteiżmu f’każ li l-Kamra tapprova din it-teknoloġija għaż-żmien tal-pandemija tal-cornavirus.

Meta kien qed jitkellem dwar il-Kumitat tax-Xogħol tal-Kamra, Farrugia qal li bl-istess mod, is-seduti jistgħu jibqgħu jsiru u b’hekk xorta waħda jibqgħu jiġu mxandra fuq l-istazzjon tat-TV tal-Parlament. Huwa kkonferma li t-teknoloġija tippremetti li jsir dan.

Ħabbar ukoll li ġie deċiż li l-kumitati kollha tal-Parlament li jinkludu xhieda jew esperti jkunu sospiżi għal xahar wara li tispiċċa l-imxija tal-coronavirus. 

Il-Parlament kien minn ta’ quddiem li beda jieħu miżuri biex jikkontrolla l-imxija tal-coronavirus b’għadd ta’ miżuri fosthom il-kontroll tat-temperatura fl-entratura tal-Parlament għal kull min jidħol inkluż id-deputati u l-uffiċjali tal-Pulizija.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn