L-Ispeaker jipproponi Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem għall-Commonwealth

L-Ispeaker Anġlu Farrugia ppropona t-twaqqif ta’ Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem fi ħdan il-Commonwealth.
Il-kunsill, fl-opinjoni ta’ Farrugia, għandu jaħdem fuq il-mudell tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, inkella fuq il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem fi ħdan in-Nazzjonijiet Magħquda.
Dan biex il-Commonwealth ikollu vuċi iktar qawwija fil-ġlieda kontra l-abbuż ta’ drittijiet tal-bniedem.
Anġlu Farrugia ppropona dan waqt li kien qed jindirizza l-għaxar Commonwealth Youth Forum, li tlaqqa’ f’lukanda fil-Qawra.
Hu ħeġġeġ liż-żgħażagħ preżenti biex ikunu l-vuċi tad-drittijiet tal-bniedem u jaħdmu iktar biex jassiguraw li dawn jiġu verament rispettati f’kull pajjiż tal-Commonwealth.
Semma’ bħala eżempji, il-fatt li 35 pajjiż mit-53 membru tal-Commonwealth li għadhom sal-lum jippermettu l-piena tal-mewt, u 40 pajjiż iqisu l-omosesswalità bħala reat, waqt li ħafna ċittadini m’għandhomx il-libertà tal-espressjoni. 
Ritratt: SPK