L-Ispeaker jilqa’ parteċipanti tal-ġirja għall-paċi

L-Ispeaker Anġlu Farrugia, is-Segretarju Parlamentari għall-Isport Chris Agius u l-Whip tal-Oppożizzjoni Frederick Azzopardi, żammew flimkien it-torċa tal-ġirja għall-paċi, bħala simbolu ta’ għaqda nazzjonali u politika.
Dan il-ġest simboliku seħħ fil-bini tal-Parlament meta l-Ispeaker laqa’ l-parteċipanti minn madwar id-dinja tal-ġirja għall-paċi Sri Chinmoy.
Anġlu Farrugia fakkar fl-importanza tal-paċi bħala dritt fundamentali, u rrifletta fuq il-vjolenza fil-Libja, fis-Sirja u f’pajjiżi oħra tal-Lvant Nofsani fost l-oħrajn.
Spjega li fil-jiem li ġejjin se jiġu organizzati diversi attivitajiet fl-iskejjel Maltin biex ifakkru dan l-avveniment internazzjonali favur il-paċi. 
Ritratt: DOI – Clodagh Farrugia O'Neil