L-Ispeaker jgħid li l-Ministru ma żvijax il-kamra dwar il-proġett tal-Magħtab

L-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia qal li l-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia ma żvijax il-kamra meta fil-ħin tal-mistoqsijiet tas-seduta ta’ nhar it-Tnejn li għadda, hu qal li l-kunsill lokali tan-Naxxar kien qabel mal-pjanijiet il-ġodda tal-Gvern għall-impjant tar-riċiklaġġ tal-Magħtab.

F’ruling li ħa madwar 20 minuta biex inqara mill-ispeaker, Farrugia kkwota Erskine May, prattika parlamentari li tintuża fir-Renju Unit u fuq liema prattika jibbażaw ruħhom il-proċeduri parlamentari f’Malta.

Huwa qal li skont il-prattiċi Ingliżi, ministru jiżvija lill-parlament jekk ikun jaf li qed jagħti informazzjoni falza. Hu qal li dan ma jidhirx li kien il-każ tant li fi stqarrija, il-kunsill lokali qabel unanimament li jilqa’ t-tnaqqis fl-ammont ta’ art li se tittieħed għal dan il-proġett.

Il-Ministru laqa’ r-ruling fejn qal li hu ltaqa’ mal-kunsill lokali tan-Naxxar li laqgħu b’mod pożittiv għat-tnaqqis ta’ footprint u kkommetta ruħu li jipprovidilhom iktar informazzjoni.

Robert Cutajar, li kien ressaq l-ilment lill-ispeaker, qal li l-Ministru jaf jaqra bil-Malti u l-kunsill lokali fl-istqarrija tkellem ċar dwar il-fatt li qatt ma ħa pożizzjoni favur il-proġett.