L-Ispeaker ippreżentat bl-istħarriġ dwar l-għarfien tal-Kostituzzjoni

L-Ispeaker Anġlu Farrugia ġie ppreżentat b’rapport  dwar l-għarfien tal-Kostituzzjoni, wara stħarriġ li għamel il-Kumitat għall-Għarfien tal-Kostituzzjoni.
Anġlu Farrugia qal li din il-ħidma se twassal sabiex il-poplu Malti u Għawdxi jagħti l-kontribut tiegħu dwar xi tibdiliet li jista’ jkun hemm bżonn. 
Irrefera wkoll għall-importanza li l-poplu jifhem kif jaħdmu l-istituzzjonijiet.
Qal li mill-ftuħ tal-bini tal-Parlament il-ġdid fl-4 ta’ Mejju li għadda sal-lum, mal-15,000 persuna żaru l-Parlament, waqt li mijiet ħadu sehem fl-attivitajiet organizzati fl-istess bini.
Qal li dan barra l-eluf li jsegwu l-Parlament fuq it-televiżjoni kuljum.
L-Ispeaker enfasizza li dan iwassal biex it-tħaddim tal-Kostituzzjoni jkun aktar magħruf mill-Maltin u l-Għawdxin.
Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm il-membri tal-Kumitat għall-Għarfien tal-Kostituzzjoni Maltija mmexxija mill-avukat Franco Debono.
Il-kumitat faħħar il-ħidma tal-Ispeaker, speċjalment il-ħidma għall-awtonomija tal-Parlament li se tkun ukoll rivoluzzjoni Kostituzzjonali.

Ritratt: DOI – Pierre Sammut