L-Ispanjoli jerġgħu jmorru għax-xogħol minkejja l-biżgħat

REUTERS/Sergio Perez

Read in English.

Il-Gvern Spanjol ħareġ linji gwida għan-nies li se jkunu qed imorru lura għax-xogħol waqt li se jonqsu r-restrizzjonijiet. Il-pajjiż irreġistra l-inqas żieda fin-numru ta’ imwiet fil-perjodu ta’ ġurnata minħabba l-coronavirus mit-23 ta’ Marzu. Dan minkejja li hemm biżgħat li jerġa’ jkun hemm żieda fil-każijiet jekk il-miżuri jonqsu.

Skont ir-Reuters, il-maġġoranza tal-Ispanjoli ilhom maqfulin fid-djar tagħhom minn nofs Marzu. In-negozji meqjusa bħala important b’mod strateġiku biss tħallew jaħdmu b’mod normali.

Però, min-nhar it-Tnejn xi industriji bħal dawk tal-kostruzzjoni u l-manifattura se jitħallew jerġgħu jibdew jaħdmu. Dan se jfisser li eluf ta’ persuni se jkunu jistgħu jmorru lura għax-xogħol.

Taħt il-linji gwida tal-Prim Ministru, il-kumpaniji li se jerġgħu jiftħu l-bibien tagħhom iridu jipprovdu l-ilbies protettiv neċessarju u jassiguraw li l-impjegati jżommu distanza ta’ mill-inqas żewġ metri minn xulxin.