L-istorja ta’ Malta fil-Eurovision Song Contest

Joe Grech: L-ewwel parteċipant għal Malta fl-1971

Malta llejla se tkun qed tieħu sehem fil-Eurovision Song Contest permezz ta’ Michela bil-kanzunetta Chameleon. Il-kanzunetta tagħna se tkun il-11-il waħda fil-kompetizzjoni tal-lejla.

Michela hija t-32 parteċipanta għal Malta u żgur li ħafna qed jittamaw li llejla l-wirja ta’ Michela twassal lil pajjiżna għall-finali tas-Sibt, wara li fis-sentejn li għaddew, il-parteċipazzjoni ta’ Malta waqfet sal-fażi tas-semifinali.

Minn sena għall-oħra għaddejna minn ħafna emozzjonijiet. Daqqa fraħna u daqqa ħriġna diżappuntati u ġieli ħassejna li r-riżultat ħaqarna xi ftit iżżejjed.

Kif nistgħu ninsew l-ewwel darba li ħsibna li se nirbħu permezz ta’ Little Child ta’ Mary Spiteri, jew inkella b’Seventh Wonder ta’ Ira Losco? Jew inkella meta ħassejna li serqulna r-rebħa minn taħt imneħirna meta Chiara marret bil-kanzunetta The One That I Love? Hemm min kien ukoll irrabbjat meta Claudia Faniello ma’ għaddietx għall-finali bil-kanzunetta Breathlessly.

Hemm min jaf eżatt il-pożizzjonijiet li Malta ġiet minn sena għall-oħra u hemm min iħobb ifittex l-informazzjoni u jġedded il-memorji.

1971: Joe Grech – Marija l-Maltija

X’pożizzjonijiet ġabet Malta fl-istorja tal-Eurovision Song Contest?

L-ewwel darba li Malta ħadet sehem kien fl-1971 permezz ta’ Joe Grech bil-kanzunetta Marija l-Maltija. L-orkestra tmexxiet minn Twanny Chircop filwaqt li Victor Aquilina għamel il-kummentarju. Malta kklassifikat fit-18-il post, li kien l-aħħar post fil-klassifika.

Fl-1972 Malta spiċċat mill-ġdid fit-18 u l-aħħar post meta pparteċipat għat-tieni darba fil-Eurovision Song Contest. B’kollox ksibna 48 punt. Norman Hamilton ħa ħsieb il-kummentarju.

Fis-sentejn ta’ wara Malta ma’ ħaditx sehem u rritornat  fl-1975 bil-kanzunetta Singing This Song interpretata minn Renato. F’din is-sena, Malta kisbet it-12-il post.

Wara din is-sena, Malta rtirat għal 16-il sena mill-Eurovision u dħalna lura fl-1991 bil-kanzunetta Could It Be, interpretata minn Paul Giordimaina u Georgina. Ġejna fis-sitt post!

1992 – Mary Spiteri: Little Child

L-ewwel togħma u “nkejja” ta’ rebħa

Mary Spiteri kienet il-ħames parteċipanta għal Malta. Kienet is-sena 1992 u matul din l-edizzjoni kellna l-ewwel togħma ta’ kważi rebħa hekk kif Little Child ġiet fit-tielet pożizzjoni.

L-1993 kienet is-sena ta’ William Mangion. Il-kanzunetta This Time ukoll intlaqgħet tajjeb u kisbet it-tmien post.

Chris u Moira marru għall-edizzjoni tal-1994 u b’More Than Love kisbu l-ħames pożizzjoni.

L-1995 rajna jieħu sehem lil Mike Spiteri li bil-kanzunetta Keep Me In Mind kiseb it-tmien post u fl-1996 rajna lil Miriam Christine, l-iżgħar parteċipanta f’dik l-edizzjoni tal-Eurovision Song Contest, fejn bil-kanzunetta In A Woman’s Heart ġiet fl-10 pożizzjoni.

Imbagħad kien imiss lil Debbie Scerri fl-1997 bil-kanzunetta Let Me Fly. F’dik is-sena, Malta ġiet fid-9 post.

L-ewwel parteċipazzjoni ta’ Chiara

1998: Chiara – The One That I Love

L-1998 kienet is-sena li qajmet ħafna diskussjoni, u ħafna rabbja. Kienet l-ewwel parteċipazzjoni ta’ Chiara, li f’dik is-sena kienet fil-bidu tal-karriera tagħha. The One That I Love kienet il-kanzunetta li biha ġiet fit-tielet post.

L-1999 kienet sena pjuttost fejn kien hemm emozzjonijiet imħallta bil-parteċipazzjoni tal-grupp Times Three. Il-kanzunetta Believe in Peace spiċċat fil-15-il post.

Fis-sena 2000 rajna lil Claudette Pace, li bil-kanzunetta Desire ġiet fit-tmien post waqt li fl-2001 rajna lil Fabrizio Faniello bl-ewwel parteċipazzjoni tiegħu. Another Summer Night kienet il-kanzunetta tiegħu u spiċċat fid-disa’ post

2002: Ira Losco

Għamilniha fatta!

Fis-sena 2002 rajna l-ewwel parteċipazzjoni ta’ Ira Losco bil-kanzunetta 7th Wonder. Għal darb’oħra kważi għamilniha fatta li r-rebħa kienet tagħna. Iżda spiċċajna fit-tieni post!

Fl-2003 rajna l-parteċipazzjoni ta’ Lynn Chircop bil-kanzunetta To Dream Again. Ir-riżultat xejn ma kien wieħed tajjeb u spiċċajna fil-25 post.

Fl-2004 kellna lil Julie Zahra u lil Ludwig Galea b’On Again … Off Again li kisbet it-tmien post fis-semifinali u t-12 il-post fil-finali.

Mill-ġdid fl-2005 kellna lil Chiara bit-tieni parteċipazzjoni tagħha. Konna fiduċjużi li din kienet is-sena tagħna u ma mornix wisq żerċ għax bil-kanzunetta Angel ġejna fit-tieni post.

Fl-2006 mill-ġdid Fabrizio Faniello, din id-darba bil-kanzunetta I Do, li spiċċat fl-24 post.

Is-sentejn li segwew kellhom togħma morra għal pajjiżna. Kemm fl-2007 bil-kanzunetta Vertigo ta’ Olivia Lewis u anki fl-2008 bil-kanzunetta Vodka ta’ Morena, weħilna fil-fażi tas-semi finali

It-tielet waħda ta’ Chiara

Chiara

Kien fl-2009 li b’What If We ta’ Chiara għaddejna għall-finali. Iżda filwaqt li fis-semi finali ġejna fis-sitt post, fil-finali waqajna fit-23 pożizzjoni.

Minkejja pożizzjoni diżappuntanti għax ħsibna li stajna nirbħu, Chiara sal-lum hi waħda mill-artisti l-aktar imfittxija fix-xena tal-Eurovision.

Fl-2010 ittamajna b’Thea Garrett iżda ħaqruna l-punti. Ġejna fit-12-il post tas-semi finali bil-kanzunetta My Dream, u bqajna noħolmu bil-finali!

Glen Vella

Fl-2011 ukoll ħriġna diżappuntati bil-kanzunetta One Life ta’ Glen Vella li spiċċat m’għadditx għall-finali, iżda fl-2012 fraħna meta Kurt Calleja ġie fis-seba’ post tas-semifinali. Iżda mbagħad fil-finali spiċċa fil-21 post.

Tomorrow ta’ Gianluca Bezzina rajniha tgħaddi għall-finali fejn fl-2013 spiċċat fit-tmien post. Imbagħad fl-2014 kienet is-sena tal-Firelight bil-kanzunetta Coming Home, kanzunetta li wkoll wasslitna sal-finali, iżda spiċċat fit-23 post. Id-diżappunt tal-Maltin spikka fl-2015 meta Amber ma kkwalifikatx għall-finali bil-kanzunetta Warrior.

Ira Losco… u Claudia Faniello

Ira Losco
Claudia Faniello. Ritratt: Andres Putting

 

Fl-2016 ħadna n-nifs meta Ira Losco għaddiet għall-finali b’Walk on Water iżda ħadniha bi kbira li spiċċat fit-12-il post.

Christabelle. Ritratt: Andres Putting

U l-aħħar sentejn kienu daqqa ta’ ħarta oħra, l-ewwel fl-2017 bi Breathlessly ta’ Claudia Faniello u s-sena l-oħra, fl-2018, bil-kanzunetta Taboo ta’ Christabelle Borg.

U din is-sena? Kollox iħoll u jorbot ma’ dak li se jiġri llejla.

Awguri Michela!