Is-Slovenja terġa’ tiftaħ l-ajruport mil-lum

Reuters

Mil-lum is-Slovenja reġgħet fetħet l-ispazju tal-ajru tagħha għat-trasport internazzjonali tal-passiġġieri wara sospensjoni ta’ tmien ġimgħat minħabba l-pandemija tal-coronavirus. Il-Gvern Sloven ħabbar dan fi stqarrija tard ilbieraħ filgħaxija.

“Il-projbizzjoni fuq it-titjiriet internazzjonali mill-Unjoni Ewropea u minn pajjiżi oħra lejn l-ajruporti pubbliċi Sloveni m’għadhiex meħtieġa”, qal il-Gvern fl-istqarrija. Spjega wkoll kif numru ta’ miżuri fis-settur tal-avjazzjoni ttieħdu fl-aħħar ġimgħat biex tkun imħarsa s-saħħa pubblika.

Il-pajjiż irreġistra total ta’ 1,460 każ ta’ coronavirus u mietu 102 persuni.

Fraport Slovenia, il-kumpanija li topera l-akbar ajruport tal-pajjiż fil-kapitali Ljubljana, u li hi proprjetà ta’ Fraport AG Frankfurt, kumpanija Ġermaniża, laqgħaet id-deċiżjoni b’mod pożittiv iżda fakkret li kważi l-linji tal-ajru kollha kienu kkanċellaw it-titjiriet kollha u minn u lejn il-belt sal-aħħar ta’ Mejju. Madankollu, il-kumpanija spjegat li l-ajruport għandu “kollox ippreparat biex it-traffiku tal-passiġġieri jerġa’ jibda b’mod sigur”.

L-ajruport ta’ Ljubljana jgħaqqad lill-pajjiż ma’ bosta destinazzjonijiet Ewropej. Numru ta’ ajruporti lokali żgħar se jibqgħu magħluqin xahar ieħor.

F’nofs Marzu, il-Gvern Sloven għalaq l-iskejjel, il-bars u r-ristoranti, lukandi, ħwienet u waqqaf it-trasport pubbliku. Introduċa wkoll kwarantina obbligatorja ta’ ġimgħa għal kull min jidħol fil-pajjiż.

Ir-restrizzjonijiet bdew jitnaqqsu lejn l-aħħar ta’ April bil-ftuħ ta’ numru ta’ ħwienet, filwaqt li t-trasport pubbliku reġa’ beda jopera din il-ġimgħa. Mid-dieħla, se jerġħu jiftħu wkoll xi skejjel.

Id-daqqa mit-turiżmu mistennija tħalli impatt fuq il-pajjiż hekk kif dan is-settur jipproduċi madwar 12% tal-prodott ekonomiku. Il-Gvern qed jistenna li l-ekonomija tiċkien bi ftit aktar minn 8% din is-sena, wara tkabbir ta’ 2.4% fl-2019.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn