Wara li fl-ewwel u t-tieni episodju mill-Iskwadra Sigrieta tan-Nannu Toni kellna introduzzjoni tal-karattri kif ukoll rajna l-ewwel każ jiġi investigat u solvut din il-ġimgħa l-Iskwadra tagħna ser jiskopru b’każ ieħor, dak ta’ pittura misruqa. Il-pittura sfat misruqa mill-villa tal-Professur Massimo Corelli, taljan residenti f’Malta flimkien ma’ martu.
Ser naraw kif l-Iskwadra tan-nannu Toni ser jirnexxilhom jersqu viċin dan il-każ u fuq kollox hux ser ikunu qed jgħinu lil pulizija huma wkoll. Is-Surġent Fred narawh ukoll fil-kariga l-ġdida tiegħu. Filwaqt li n-nanna tkompli tinsisti li n-nannu m’għandux jindaħal f’ każijiet kriminali issa iktar minn qatt qabel, ġa la darba deffset f’rasha li b’xi mod għen lis-Surġent Fred f’xi ħaġa li għadha ma skopritx.
Fit-tielet u r-raba’ episodju ta’ din is-sensiela li huma propju l-aħħar żewġ episodji minn din is-sensiela qasira, naraw ukoll aktar karattri ġodda, li jassistu biex nirrakontaw dan il-każ. Fost il-karattri ġodda insibu dawn interpretati minn Kurt Magri, Ina Robinich, Louis Gatt, Paul Caruana u Vivienne Caruana.
Il-pass li jmiss hu li naraw kif l-Iskwadra Sigrieta tagħna kif ser jirnexxila tintegra ma’ dawn il-karattri ġodda u fuq kollox, ser jirnexxilhom isolvuh dan il-każ?
Dawn iż-żewġ episodji se jixxandru llum l-Erbgħa u għada l-ĦĠamis fid-9pm fuq l-istazzjoni One.