L-Iskozja trid tibda tqis swat mill-ġenituri fuq it-tfal bħala offiża kriminali

L-Iskozja se tkun l-ewwel pajjiż fir-Renju Unit li se tibda tqis is-swat mill-ġenituri fuq it-tfal bħala offiża kriminali.

Il-BBC irrapporta kif bħalissa, ġenituri u carers għandhom permess li jużaw forza fiżika “raġjonevoli” sabiex jiddixxiplinaw lit-tfal. Iżda l-Gvern Skoċċiż qed jappoġġja li t-tfal jingħataw id-dritt  li jkunu protetti minn swat daqs l-adulti.

Il-Parlament Skoċċiż jidher li hu fil-maġġoranza favur is-sapport li s-swat fuq it-tfal isir illegali. Il-vot mistenni jittieħed illum waranofsinhar.

It-tibdil fil-liġi kienet oriġinarjament proposta mill-Membru Parlamentari tal-partit tal-ħodor, John Finnie. Finnie qal li hija xi ħaġa inkwetanti li l-iżgħar ċittadini tal-pajjiż u li huma fost l-aktar vulnerabbli, ma għandhomx protezzjoni sħiħa minn swat. Sostna li s-swat bħala kastig ma għandux postu fl-Iskozja fis-seklu 21.

Intant, polls tal-popolazzjoni Skoċċiża qed juru li l-maġġoranza huma kontra li s-swat fuq it-tfal isir illegali. Kritiċi argumentaw li l-liġi li hemm bħalissa hija biżżejjed u li l-bidliet li qed jiġu proposti jistgħu jwasslu sabiex ġenituri li huma “tajbin” jiġu kriminalizzati.