L-Iskozja tibni l-ewwel floating windfarm

Permezz ta’ teknoloġija mill-aktar moderna, 20,000 familja Skoċċiża mistenni jibdew jirċievu l-enerġija ġġenerata minn floating windfarm.
Fil-preżent, il-windfarms attwali jitwaħħlu mal-qiegħ tal-baħar, iżda din it-teknoloġija revoluzzjonarja se tippermetti biex is-saħħa tar-riħ tiġi mibdula f’enerġija f’ibħra li huma wisq fondi għas-sistemi konvenzjonali. It-turbini konvenzjonali jistgħu jintużaw biss sa 40 metru fond. Għall-kuntrarju, b’din it-teknoloġija ġdida, kull turbina se tkun twila 175 metru, tiżen 11,500 tunnellata u kull xafra se tkun wiesa’ 75 metru.
Dan l-impjant, bl-isem ta’ Hywind, inbena f’Peterhead, fl-Aberdeenshire mill-kumpanija Statoil. Filwaqt li dan l-impjant huwa biss prototip,il-kumpanija fi ħsiebha tinvesti din it-teknoloġija b’mod partikolari fil-Ġappun u l-kosta tal-Punent tal-Istati Uniti fejn l-ilmijiet huma fondi ħafna.
S’issa, tpoġġiet f’postha l-ewwel turbina, filwaqt li erba’ oħra mistennija jaslu fil-ġimgħat li ġejjin. Filwaqt li fil-preżent dawn it-turbini għadhom jiswew ħafna flus, Statoil temmen li ’l quddiem l-ispejjeż tal-manifattura se jinżlu radikalment.
Statoil hija kumpanija multinazzjonali Norveġiża bi kwartieri fi Stavanger, li tradizzjonalment il-qofol tan-negozju tagħha kien iż-żejt u l-gass. Statoil għandha diversi proġetti oħra madwar ir-Renju Unit li jaħdmu bl-enerġija tar-riħ, u li b’kollox jissupplixxu l-enerġija għal madwar 650,000 ruħ.
L-Indipendenza Katalana ta’ periklu għall-ekonomija
Skont stħarriġ fost il-komunità kummerċjali Spanjola, il-possibbiltà li l-Katalonja tikseb l-indipendenza minn Spanja aktarx li tkun ta’ ħsara għall-ekonomija tal-pajjiż.Tlieta minn kull erba’ diretturi ta’ kumpaniji Spanjoli jemmnu li dan il-moviment huwa ta’ detriment għall-ekonomija tal-pajjiż. Interessanti li, għalkemm ferm anqas, anke 43% tad-diretturi tal-kumpaniji Katalani qablu ma’ dan.
Il-moviment separatista qed jimbotta biex dan ir-reġjun sinjur – magħruf primarjament għall-Belt ta’ Barcelona – jieħu l-indipendenza mill-bqija tal-pajjiż, iżda bosta għaqdiet tan-negozju qed jinvestu f’kampanji ta’ reklamar biex iwissu kontra din il-bidla.
Huma biss 20% ta’ dak li wieġbu li sostnew li l-indiependenza mhux se jkollha impatt ekonomiku. Dan l-istħarriġ, li sar minn Deloitte, tkellem ma’ 265 kumpanija li jħaddmu aktar minn 800,000 ruħ u li għandom dħul komplessiv ta’ aktar minn biljun ewro.
L-aktar ikkonċernati huma l-intrapriżi fis-settur turistiku. Il-bajjiet Katalani huma destinazzjoni popolari fost bosta viżitaturi Ewropej. Madwar 17-il miljun turist żaru dan ir-reġjun is-sena li għaddiet.Fl-1 ta’ Ottubru se jsir referendum dwar is-suġġett, imniedi mill-Gvern Katalan,iżda li mhux approvat uffiċjalment mill-Gvern ta’ Madrid. Iżda s’issa, kull stħarriġ pubbliku li sar dejjem indika maġġoranza ta’ mill-anqas 8% kontra s-seċessjoni.
Il-Gvern Spanjol regolarment qed jitkellem dwar l-impatt ekonomiku li jista’ jkollha din id-deċiżjoni, u qed iwissi, li l-pajjiż jista’ jerġa’ lura fi żminijiet ta’ riċessjoni. Fil-fatt, wara numru ta’ snin diffiċli, il-Fond Monetarju Internazzjonali qed ibassar tkabbir ta’ 2.6% fl-2017.
Grab tattakka d-dominju ta’ Uber
Grab, kumpanija ta’ ġarr tal-passiġġieri fuq l-istil ta’ Uber, irnexxilha tattira 2.5 biljun dollaru f’investiment minn sorsi differenti, fosthom SoftBank (Ġappun) u Didi Chuxing (Ċina). Dawn il-fondi se jgħinu biex isaħħu l-pożizzjoni ta’ Grab fix-Xlokk tal-Ażja, reġjun ta’ aktar minn 600 miljun persuna, hekk kif tkompli ssaħħaħ l-isfida għall-Uber għal passiġġieri u sewwieqa.
Il-kumpanija hi stmata li tiswa madwar 6 biljun dollaru. Il-kumpanija fi ħsiebha tinvesti dawn il-fondi fi GrabPay, pjattaforma ta’ ħlas bil-mobile li hi tixtieq tespandi fi swieq fejn is-sistemi bankarji ma tantx għadhom ġew żviluppati sew, bħall-Indoneżja. Grab, li twaqqfetminn żewġ studenti Malażjani f’Harvard, u li llum huma bbażati f’Singapor, qed tipprovdi kompetizzjoni qawwija għal Uber fix-Xlokk tal-Ażja.
Grab qed tespandi b’mod aggressiv, u sa Ġunju kienet preżenti f’55 belt meta mqabbel mal-35 ta’ Uber, f’reġjun li jinkludi 10 pajjiżi minn Myanmar sal-arċipelagu tal-Filippini. Madwar 3 miljun persuni jużaw is-servizzi tagħha kuljum.
Skont studju ffinanzjat minn Google, dan is-suq ta’ third party taxi mistenni jikber minn dħul ta’ €2.5 biljun fl-2015 għal 13-il biljun fl-2025.
Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net Tel. 21493250. Tista' tirċievi l-artiklu b'xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net
L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.