“L-iskop tiegħi li l-partit jiġġedded u jingħaqad” – Louis Galea

Read in English.

Louis Galea l-persuna maħtura mill-Kap Nazzjonalista Adrian Delia biex iħejji rapport għal riformi fi ħdan il-PN qal li l-iskop tiegħu huwa li l-Partit Nazzjonalista jingħaqad u jiġġedded u dan jagħmlu fil-miftuħ u mingħajr ħabi.

Fi stqarrija Galea qal li mhux vera dak li qal l-istazzjon tal-Partit Laburista ONE. Żied li l-fatti huma li l-President tal-Kumitat Eżekuttiv u Karol Aquilina u Mark Anthony Sammut talbu li jkellmuh dwar is-sitwazzjoni preżenti tal-Partit Nazzjonalista u r-rakkomandazjonijiet li huwa qed jagħmel. Galea qal li huma talbuh kjarifikazzjonijiet dwar ir-rakkomandazzjoni li jiltaqa’ l-Eżekuttiv u jagħżel uffiċjali ġodda.

Galea kompla li kemm Aquilina u Sammut jinsabu nkwetati dwar id-diffikultajiet tal-Partit u żiedu li hemm bżonn li tittieħed azzjoni mill-aktar fis sabiex tinstab soluzzjoni.

Galea fisser li b’dik ir-rakkomandazzjoni huwa kien qed jitkellem dwar il-kompetenza tal-Kumitat tal-Partit u ma għandhiex x’taqsam mal-elezzjoni tal-Kap tal-Partit.

Louis Galea li huwa informa lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista dwar din il-laqgħa u miegħu ddiskuta dan is-suġġett fit-tul.

Intant, il-President tal-Eżekuttiv Alex Perici Calascione f’post fuq Facebook qal li l-affarijiet tal-Partit għandhom jiġu diskussi internament u mhux fil-pubbliku. Żied li l-manuvri li qed jitkellem fuqhom ONE News huma intenzjonati li jagħmlu ħsara lill-Partit Nazzjonalista.

Perici Calascione qal li hu ilu jiltaqa’ ma’ dawk li jixtiequ jiltaqħgu miegħu u kien hemm okkażjonijiet fejn anke hu talab li jiltaqa’ ma’ esponenti biex jinstabu soluzzjonijiet tajbin li jsaħħu l-Partit.

Il-President tal-Eżekuttiv qal li huwa talab laqgħa ma’ Louis Galea sabiex imexxi l-Partit Nazzjonalista ‘l quddiem. Huwa qal li l-laqgħa kienet kostruttiva u pożittiva.