“L-iskop ta’ ħajti hu li ngħin, inferraħ u li nkattar il-ġid” – Augusto

Awguri lil Augusto Cardinali li llum jagħlaq 54 sena. Twieled bħal-lum id-9 ta’ Ġunju tal-1966. F’messaġġ li huwa kiteb fuq Facebook, Augusto qal li għalih dan hu jum li fih jinġabar mal-għeżież tiegħu u jgawduh bl-ahjar mod possibli.

Hu kompla jgħid li “Biss huwa jum li fih jien inħares lura u nfittex jekk f’dan iż-żmien kollu inkunx tajt biżżejjed. Għandi responsabilità kbira li t-talenti li għoġbu jlibbisni bihom il-ħallieq inkun użajthom tajjeb u li permezz tagħhom inkun wettaqt il-ġid. Dan huwa l-iskop ta’ ħajti, ngħin, inferraħ u li nkattar il-ġid. Jalla dan sar. Nittama li tajt biżżejjed. Għad fadal u mhux bi ħsiebni nieqaf. Nirringrazzja ‘l dawk kollha li għenu li din ħajti ssarfet f’suċċess.”

Hu rringrazzja lill-ġenituri tiegħu lil martu Doreen, lil uliedu Anthea u Michele u l-ħbieb kollha.

“Grazzi ta’ kollox. Ngħożżkom wisq,” temm jikteb hu.

Lil Augusto nafuh bħala kompożitur, poeta, drammaturgu liriċista u attur. Beda fil-mużika meta kellu sitt snin meta beda jdoqq il-klarinett fil-klabb tal-banda ta’ Raħal Ġdid.

Ta’ 7 snin huwa ħa sehem f’festival folkloristiku li sar f’Letterkenny fl-Irlanda u wara f’Londra. Ta’ 10 snin beda jieħu lezzjonijiet tal-kitarra klassika taħt Maestro J. Psaila u matul dan il-perjodu beda wkoll jistudja l-arti u d-drama taħt għadd ta’ għalliema differenti.

Ħa sehem f’bosta rock operas bħal Pawlu 2000, Reġà Sebaħ u Ineż Farruġ. Beda wkoll jipparteċipa f’festivals bħal L-Għanja tal-Poplu, il-festival tal-Indipendenza u l-Festival Internazzjonali tal-Kanzunetta Maltija.

Bħala mużiċist ħa sehem f’bosta avvenimenti u kunċerti fosthom fil-May Inspiration li ttellgħu fit-Teatru Manoel u fl-awditorju tal-Università għall-kunċert tal-Leicester School of Music.

Augusto huwa wkoll pittur li ħa sehem ukoll f’diversi wirjiet tal-arti, kif ukoll kiteb ukoll numru ta’ kanzunetti.

Awguri Augusto.