“L-iskola trid tkun l-ambjent li jgħinek tagħraf it-tajjeb mill-ħażin”

L-Arċisqof Charles Scicluna saħaq li l-iskola għandha tkun ambjent fejn kull meta wieħed jitlef triqtu u jagħżel id-dlam, jerġa’ jdur lejn l-għażliet it-tajba.
Dan qalu waqt l-omelija tal-Quddiesa li ġiet iċċelebrata fl-għeluq tal-50 sena minn meta bdiet tinbena s-Savio College.
Bosta studenti, żgħażagħ u eks-studenti nġabru fl-iskola sabiex ifakkru lil dawk kollha li taw sehemhom biex l-iskola ssir realtà.
L-Arċisqof spjega kif il-bidu ta’ dan il-kulleġġ kien wieħed umli, u tul dawn il-50 sena wera li minkejja li l-bidu ma kienx faċli, il-frott li qed jaħsad il-kulleġġ illum il-ġurnata jġib miegħu ferħ kbir.
Fl-omelja nsista li l-iskola mhix biss ambjent fejn it-tfal jikbru fil-kapaċitajiet akkademiċi tagħhom, imma tgħin ukoll fil-proċess ta’ maturazzjoni fejn “tifel isir raġel matur, Nisrani konvint u ċittadin onest”.
Irrimarka li l-iskola trid tkun ukoll proċess ta’ dixxerniment, jiġifieri li meta student jidħol l-iskola jagħraf dak li Alla ħejja għalih tul ħajtu u jistaqsi dejjem: “Mulej, xi trid minni?”
Fl-omelija, l-Arċisqof ħeġġeġ lil dawk kollha preżenti sabiex jitlobu għal dawk li tul l-aħħar 50 sena ħadmu, ikkoperaw u studjaw f’dan il-kulleġġ.
Għamel referenza wkoll għal San Domenico Savio, il-qaddis li hu msemmi għalih il-kulleġġ, u l-mod kif laħaq il-qdusija f’età żgħira.
Waqt iċ-ċelebrazzjonijiet tal-ġurnata inkixfet irħama b’radd il-ħajr għal dawk kollha li kienu strumentali biex tinbena l-iskola. 
Filwaqt li fl-ewwel sena li fetħet għall-istudenti, is-Savio College kellha biss 12-il student, illum il-ġurnata jattendu 260 student imqassma fuq 10 klassijiet. L-istudenti jiġu ggwidati biex jikbru f’kull qasam tal-ħajja, kemm akkademikament, fiżikament, spiritwalment, emozzjonalment u soċjalment.
Ritratti: Il-Knisja f'Malta