L-Iskola taż-Żebbuġ rikonoxxuta bħala Dyslexia Friendly School

MFED

Read in English.

L-iskola taż-Żebbuġ, ingħatat il-mertu li tissejjaħ Dyslexia Friendly School wara ħidma ta’ erba’ snin li kien ikkaratterizzata minn taħriġ, dedikazzjoni u xogħol. Dan il-mertu ngħata lill-iskola mill-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana waqt iż-żjara tagħha f’din l-iskola.

Fi stqarrija l-Ministeru għall-Edukazzjoni spjega li dan il-mertu kien possibbli permezz tal-appoġġ tal-SpLD, li għen lill-għalliema jħaddnu strateġiji marbutin mad-dyslexia, fosthom it-tagħlim multisensorjali, it-tagħlim differenzjat, strateġiji li jiffaċilitaw l-istudju u l-memorja tal-istudenti, bħall-metodu tal-Look, Say, Cover and Check highlighting u colour-coding. Żiedu li l-imħabba għall-qari ġiet imsaħħa fost l-istudenti kollha permezz ta’ inizjattivi bħal Drop Everything and Read u bl-għajnuna tar-Reading Ruler. Permezz ta’ dawn l-istrateġiji bbenefikaw l-istudenti kollha fl-iskola, b’mod speċjali l-istudenti li għandhom din il-kundizzjoni.

“Din hija t-triq li rridu naraw fis-sistema edukattiva, li kull student u studenta jkunu inklużi u ħadd ma jitħalla fil-ġenb fil-mixja edukattiva tant importanti għal kull wieħed u waħda minnhom,” qalet il-Ministru Caruana.

Il-Ministru Caruana żaret ukoll l-iskola primarja tal-Qala u l-iskola Primarja tan-Nadur. L-iżjarat fl-iskejjel primarji tal-Qala u n-Nadur saru wkoll fl-okkażjoni ta’ jum imfakkar min-Nazzjonijiet Magħquda fil-5 ta’ Diċembru, Jum il-Ħamrija. Dawn iż-żewġ skejjel huma parteċipi fil-programm EkoSkola, inizjattiva mmexxija minn Nature Trust – FEE Malta. Dan huwa programm internazzjonali għall-iskejjel kollha, li jgħinhom lejn edukazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli.

Matul din iż-żjara l-Ministru Caruana, faħħret inizjattivi bħal dawn, u żiedet li dawn jipprovdu sfera edukattiva li iżżid l-għarfien dwar l-importanza tal-ambjent. Hija qalet ukoll li l-Ministeru jrid ikompli jiżgura li l-istudenti jingħataw dejjem aktar possibilitajiet biex iwessgħu l-għarfien tagħhom lil hinn mill-edukazzjoni tradizzjonali, u b’hekk iqanqlu għarfien aktar usa dwar is-suġġetti.