Filmat: L-iskola tas-Sacred Heart tgħaddi f’idejn l-Arċidjoċesi

Is-Soċjetà tas-Sorijiet tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù ffirmat ftehim mal-Arċidjoċesi ta’ Malta biex il-Fondazzjoni li tmexxi l-iskola tas-Sacred Heart ta’ San Ġiljan tgħaddi fir-responsabbilità tal-Arċisqof ta’ Malta.
Ma’ Newsbook.com.mt, Sr Carmen Valentino, delegata tas-superjura tas-soċjetà f’Malta, spjegat li n-nuqqas ta’ vokazzjonijiet fl-Ordni tagħhom ilu jinħass ħafna. Kien għalhekk li xi snin ilu tnehdiet fondazzjoni biex tmexxi din l-iskola.
Sr Carmen saħqet li kienet ix-xewqa tas-soċjetà li l-iskola tibqa’ tal-Knisja u għalhekk kien meħtieġ li l-iskola tgħaddi f’idejn l-Arċidjoċesi ta’ Malta.
Infatti d-delegata tas-soċjetà tas-Sacred Heart f’Malta spjegat li l-iskola se tkompli miexja kif inhi, filwaqt li se żżomm l-istess isem u identità.
Is-sorijiet irringrazjaw lill-Arċisqof Cremona għall-kollaborazzjoni f’dan il-proġett edukattiv. Min-naħa tagħha, l-Arċidjoċesi rringrazjat lis-Sorijiet tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù ta’ aktar minn 110 snin ta’ servizz f’din l-iskola.
Il-ftehim ġie ffirmat fil-Kurja tal-Arċisqof minn Sr Bernardette Porter, Ekonoma Ġenerali tas-Soċjetà u Dr Michelle Tabone, Ekonoma, f’isem l-Arċisqof Pawlu Cremona.
Permezz tal-ftehim il-Fondazzjoni, il-bini u l-faċilitajiet kollha tal-iskola se jgħaddu għand l-Arċidjoċesi mingħajr ħlas.
 
Ritratt: Photocity Valletta