“L-iskola tal-Paċi” fl-Afghanistan tkompli tikber

Studenti fl-Iskola tal-Paċi fl-Afghanistan

“L-Iskola tal-Paċi – Tangi Kalay” twaqqfet mill-missjunarju Taljan, Fr. Giuseppe Moretti fl-Afghanistan u hi waħda mill-ftit istituzzjonijiet li jaħdmu b’risq il-litteriżmu f’dan il-pajjiż.

Minħabba s-sitwazzjoni ta’ kunflitt u tensjoni fil-pajjiż, fil-fatt, is-settur tal-edukazzjoni hu wieħed fost dawk li ntlaqtu bl-aktar mod negattiv. Fil-fatt madwar 700 istituzzjoni edukattiva ingħalqu f’dawn l-aħħar 18-il sena u dan ħalla aktar minn 3.7 miljun student mingħajr skola.

“L-Afghanistan jinsab f’sitwazzjoni diffiċli li żdiedet bil-konfużjoni li nħolqot wara l-aħħar elezzjonijiet, iżda l-iskola tagħna baqgħet miexja ‘l quddiem. Tant qed tikber li dan l-aħħar, id-Direttur tal-iskola talabni biex nixtru 24 ‘blackboard’ ġdid”, qal Fr. Giuseppe Moretti f’taħdita mal-aġenzija tal-aħbarijiet FIDES.  Il-qassis kien ilu missjunarju fl-Afghanistan mill-1990 sal-2015.

Tfal bla skola

Hu rritorna f’Kabul f’Lulju li għadda biex jibdel temporanjament lil qassis ieħor, Fr. Giovanni Scalese, li bħalissa hu responsabbli mill-Missio fl-Afghanistan.

Fr Moretti qal li ma setax imur iżur l-iskola imma jinsab f’kuntatt kontinwu mal-amministrazzjoni tagħha. “Għal raġunijiet ta’ sigurtà, ma tħallejtx noħroġ minn Kabul. L-hekk imsejjħa “żona ħadra” fejn hemm ħafna ambaxxati u uffiċini fejn jaħdmu l-barranin, imtliet bil-ħitan u hi mgħassa sew minħabba li żdiedu l-attakki.  L-iskola tagħna ma ntlaqtitx minn attakki u minflok qed tespandi l-ħidma tagħha u żżid l-istudenti”.

L-Iskola tal-Paċi – Tangai Kalay hi istitutzzjoni tal-Istat, bi programmi u għalliema magħżula mill-Gvern Afghan, imma kompliet għaddejja bl-għajnuna tal-privat, fosthom minn donazzjonijiet minn diversi kontinġenti militari li jgħinu l-iskola billi jipprovdulha materjal skolastiku u l-laboratorji tax-xjenza u t-teknoloġija.

Illum dan l-istitut jilqa’ fih aktar minn 3,000 tifel u tifla u bil-kurrikulu tiegħu jipprova jgħallem lil dawn it-tfal il-valuri tal-paċi u t-tolleranza.

Tfal vittmi ta’ attakki

Minn statistika miġbura mit-taqsima tad-Drittijiet Umani tal-Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fl-Afghanistan, 2,461 tfal Afghani kienu vittma ta’ attakki fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena. Minn dawn, 631 inqatlu u 1,830 oħra sfaw feruti.  Dan ifisser żjieda ta’ 11% meta paragunat mal-istess perjodu tas-sena l-oħra.  Wieħed jista’ jispjega dan il-fenomenu miż-żjieda fl-attaki qrib l-iskejjel u ċentri tas-saħħa.