L-iskola Musulmana f’Malta mhix se tagħlaq għalkollox

L-iskola Miriam al-Batool, l-unika skola Iżlamika f’Malta, mhix se tagħlaq għalkollox.
Fl-informazzjoni li ta l-Ministru għall-Edukazzjoni, Evarist Bartolo, fil-Parlament ilbieraħ, huwa ħabbar li l-iskola se tkompli bl-operat u t-tagħlim tagħha lil studenti tal-Kindergarden u l-Primarja biss.
Il-Ministru kien qed iwieġeb għal mistoqsijiet mid-Deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici.
Is-servizz lit-tfal tal-primarja se jkun jista’ jibqa’ jingħata billi l-mexxejja tal-iskola jużaw il-fondi li ngħataw lilhom mill-Gvern għall-iskola sekondarja.
B’hekk, issa l-istudenti tas-sekondarja li kienu jattendu din l-iskola se jintbagħtu fi skejjel sekondarji tal-Gvern.
L-iskola Miriam al-Batool ħabbret ftit xhur ilu li kienet se tagħlaq minħabba li ma nħarġilhiex permess mill-awtoritajiet Libjani sabiex tkabbar l-iskola. Madankollu, il-Gvern Malti kien lest li jgħin lill-iskola sabiex din tkabbar il-faċiltajiet tagħha.
L-iskola Iżlamika twaqqfet f’Malta fl-1977, u kienet tirċievi sussidji mill-Gvern kull sena sa massimu ta’ €300,000. Barra minn hekk, il-Gvern kien sellef lill-iskola flus mingħajr interessi fl-2011 u l-2012, self ta’ €200,000 kull darba.
Ritratt: Arkivji – Ian Noel Pace