L-iskola medika f’Mater Dei fil-mira ta’ ittri frodisti

L-Isptar Mater Dei spiċċat fil-mira ta’ frodisti b’ittra li qed toffri opportunità ta’ studju fil-Malta Foundation School li tinsab f’Mater Dei.

Fi ittra ffirmata mill-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Ivan Falzon u l-Kap tal-Malta Postgraduate Medical Training Programme Raymond Galea, huma wissew lill-pubbliku li l-ittra ma ħariġtx mingħandhom. Żiedu jgħidu li wieħed għandu jkun ċert mill-awtentiċità ta’ ittri bħal dawn qabel joħorġu xi flus.

Dawk li jirċievu l-ittra qed jintalbu biex jħallsu bil-quddiem għall-korsijiet jew taħriġ allegatament ipprovdut fl-iskola. L-ittra qarrieqa tgħid li min jirċievha se jkollu 8 xhur taħriġ mediku u post f’kors offrut mill-iskola medika li tinsab f’Mater Dei. Iżżid tgħid li wieħed għandu jħallas €1,675 sat-22 ta’ Ottubru 2019. Filwaqt li €1,000 fix-xahar jitħallsu mill-istipendju.

Fuq Facebook, Falzon u Galea f’isem l-istituzzjonijeit li jirrapreżentaw iddiżassoċjaw ruħhom mill-kontenut tal-ittra u ittri simili.

Dwar il-każ sar rapport mal-awtoritajiet kompetenti biex jiġi investigat il-każ “b’possibilità ta’ azzjoni kriminali”.