L-iskola għall-Form 5 għadha ma spiċċatx

Minkejja li mhux mistenni li jkun hemm lezzjonijiet jew riżorsi skedati għall-istudenti tal-Ħames Sena fl-iskejjel sekondarji (Form 5), is-sena skolastika għadha ma spiċċatx u se tkompli anki fit-tielet term.

Id-Dipartiment tal-Edukazzjoni mistenni jħabbar li matul l-aħħar li jkompli sa Ġunju, l-istudenti tal-Form 5 huma mħeġġa jkomplu bl-istudji tagħhom sew bi tħejjija għal studji Post-Sekondarji, kif ukoll għall-eventwalità li jagħmlu l-eżamijiet tas-SEC fis-sessjoni ta’ Settembru. Dan dejjem jekk iċ-ċirkustanzi jippermettu li jsiru dawn l-eżamijiet.

Newsbook.com.mt tkellem ma’ Ian Mifsud, id-Direttur tas-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija li min-naħa tiegħu kkonferma li l-edukaturi għadhom ikomplu jagħmlu lilhom infushom disponibbli biex jgħinu lill-istudenti f’dawk l-oqsma li jeħtieġu iżda fuq l-inizjattiva tal-istudenti stess.

L-istudenti tal-Form 5 se jkunu qed jirċievu r-riżultati tagħhom f’Lulju bil-predictive grading u jistgħu jikkwalifikaw f’livell 2 jew 3.

Kelliem għall-MATSEC speċifika li f’Settembru se ssir is-sessjoni tal-eżamijiet tas-SEC li fihom l-istudenti jistgħu jikkwalifikaw fil-livelli minn 1 sa 7. Għal dawn l-eżamijiet mhux se jkun hemm resits. Ir-resits f’Novembru japplikaw biss għall-istudenti tal-A-Level u l-Intermediate.