L-iskema tal-iskreppjar tħalli barra karozza waħda biss

Transport Malta u l-Gvern ma jeskludux il-possibilità li l-iskema tal-iskreppjar tal-karozzi tiġi estiża. Madanakollu għadha ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni.
Għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, kelliema għall-Ministeru tat-Trasport qalet li hemm applikazzjoni waħda biss li bħalissa għadha pendenti wara li ntlaħaq il-limitu tal-ammont allokat għal din l-iskema.
Ilbieraħ Transport Malta ħabbret li mtliet l-iskema fejn b’kollox kien hemm 395 vettura li bbenefikaw mill-iskema ta’ €300,000.
Is-sidien tal-vetturi kienu intitolati għal ħlas ta’ bejn €500 u €900 jekk jixtru vettura M1. L-iskema għalqet fit-28 ta’ Frar.
Fl-aħħar tliet snin, minn erba’ skemi ta’ dan it-tip gawdew kważi 6,500 persuna.