“L-iskema Sens-Ability tajba; bżonn iktar trasparenza” – PN

Il-Partit Nazzjonalista sostna li għalkemm huwa konvint li l-iskema ‘Sens-Ability’ saret b’intenzjonijiet tajbin, fiha nuqqas ta’ trasparenza u informazzjoni. 

L-iskema ‘Sens-Ability’, li tħabbret it-Tlieta li għadda, se tkun qed tagħti għajnuna finanzjarja biex ġenituri ta’ tfal u adulti bl-awtiżmu jew li għandhom diffikultajiet biex jipproċessaw l-informazzjoni sensorjali jkunu jistgħu jagħmlu sensory-room f’darhom armata skont il-bżonnijiet speċifiċi tagħhom.

Fi stqarrija ffirmata minn David Agius, Ivan Bartolo u Maria Deguara, huma qalu li ma ngħatatx informazzjoni fuq x’hemm bżonn sabiex wieħed jkun jista’ japplika u jibbenefika mill-fondi tal-iskema. Żiedu li ma jafux lanqas kemm jistgħu jibbenefikaw minnha u kemm ġew allokati fondi għaliha.

Huma ddeskrivew kif din l-iskema ma tgħinx lil min m’għandux wisa’ għal kamra bħal din fid-dar jew jaħseb li wliedhom għandhom bżonn riżorsi oħra.

F’isem il-partit, huma pproponew li minħabba li t-tfal bl-awtiżmu jaffaċjaw spejjeż sostanzjali kull xahar f’terapiji differenti, il-ġenituri għandhom jingħataw l-għażla sabiex apparti jew minflok il-kamra, jkunu jistgħu jibbenefikaw f’għajnuna finazjarja għat-terapija ta’ wliedhom jew għajnuna finazjarja għal riżorsi oħra.

Huma appellaw sabiex l-ippjanar jsir bi ħsieb ħalli jintlaħqu verament kemm nies bl-awtiżmu u anke dawk bi bżonnijiet oħra.