L-iskejjel tal-Knisja jirreaġixxu għat-tilwima industrijali tal-MUT

Miguela Xuereb

Il-Kurja qalet li l-iskejjel tal-Knisja huma kommessi li jibqgħu jipprovdu l-edukazzjoni lil 17,000 student minkejja s-sitwazzjoni ta’ sfida li qegħdin jaffaċċjaw.

L-Unjin tal-Għalliema (MUT) iddikjarat tilwima mas-Segretarjat tal-Edukazzjoni Kattolika fuq ksur tal-kundizzjonijiet li jaħdmu fihom l-edukaturi fi 23 skola tal-Knisja. Skont l-MUT, l-għalliema qegħdin jitgħabbew b’iżjed xogħol mingħajr ebda konsultazzjoni jew kunsiderazzjoni. Dan billi nħolqot sistema ta’ alternar, fejn nofs l-istudenti jkunu fil-klassi u nofs isegwu l-lezzjonijiet mid-dar.

L-MUT saħqet li dawn l-iskejjel żiedu x-xogħol li għandhom jagħmlu l-edukaturi b’mod mhux sostenibbli u irresponsabbli.

L-unjin ikkjarifikat li mhix kontra li l-iskejjel jipprovdu servizzi addizzjonali bħat-tagħlim online, iżda bħala trejd unjin, ma tistax taċċetta li dan isir b’nuqqas ta’ rispett lejn l-għaliema.

Min-naħa tagħha, il-Kurja qalet li se tibqa’ tara li s-saħħa u s-sigurtà tal-għalliema, il-ħaddiema u l-istudenti fl-iskejjel tal-Knisja tibqa’ prijorità, u li tirrikonoxxi li l-ġenituri għandhom id-dritt jipproteġu lil uliedhom u lil darhom kif jidhrilhom.

Stqarret ukoll li filwaqt li jiddispjaċiha għall-pożizzjoni li ħadet l-MUT li mistennija jkollha impatt negattiv fuq l-istudenti, l-għalliema u l-ġenituri, l-iskejjel tal-Knisja jkunu lesti jkomplu jiddiskutu ladarba l-unjin tirtira t-theddid tagħha.