L-iskejjel tal-Knisja jintalbu jħassru l-attivitajiet tal-massa

Facebook - Savio College

Read in English.

Is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika avża lill-iskejjel tal-Knisja li fid-dawl tal-aħħar żviluppi b’rabta mal-pandemija tal-coronavirus, dawn għandhom jevitaw milli jorganizzaw attivitajiet tal-massa, speċjalment jekk dawn isiru fuq ġewwa.

Bħal dan iż-żmien fis-sena, ħafna skejjel tal-Knisja jkunu qed jorganizzaw prom nights għall-istudenti tal-Form 5 biex dawn jagħtu l-aħħar tislima lil xulxin qabel ma jibdew jattendu skola oħra.

F’dawn iċ-ċirkostanzi, id-Direttur għall-Kurrikulu u l-Istandards fi ħdan is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika Ian Mifsud ħareġ stqarrija. Din intbgħatet lill-iskejjel tal-Knisja kollha b’rakkomandazzjoni li inizzjattivi bħal dawn għandhom jiġu kkanċellati.

Savio College hija waħda mill-iskejjel li qed tavża lin-nies biex jikkonsultaw mat-tfal tagħhom biex dawn jieħdu d-deċiżjoni responsabbli li jikkanċellaw dawn l-attivitajiet.

Mifsud qal li jempatizzaw mal-istudenti li jixtiequ jiċċelebraw tmiem is-sena skolastika flimkien. Però, qal li jittama li jirrenja r-rispett lejn il-proxxmu u lejn is-saħħa.

Is-Segretarjat esprima wkoll il-gratitudni tiegħu lill-awtoritajiet tas-saħħa.