L-iskejjel tal-Knisja b’tagħlim online għal jumejn

Aġġornat 04:39 PM

Read in English.

L-iskejjel tal-Knisja se jiftħu għada bħall-iskejjel tal-Gvern, imma fl-ewwel jumejn, it-tagħlim se jsir online.

Is-Segretarjat tal-Edukazzjoni Kattolika (SfCE) b’konsultazzjoni mal-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel tal-Knisja (CSA) ħa din id-deċiżjoni wara ż-żieda drastika fil-każijiet tal-Covid-19, billi llum tħabbar numru rekord ta’ każijiet ġodda, 224 każ.

Għaldaqstant, fil-każ tal-iskejjel tal-Knisja, it-tagħlim għada u pitgħada se jsir online. Din id-deċiżjoni jaf tiġi estiża sa tal-anqas l-Erbgħa, 13 ta’ Jannar jekk in-numru ta’ każijiet jibqa’ wieħed għoli.

Il-ġenituri għandhom jiġu infurmati bl-aħħar deċiżjonijiet il-Ħadd, 10 ta’ Jannar, filgħaxija.

Newsbook.com.mt hu infurmat li xi skejjel tal-Knisja qed jitolbu lill-għalliema jattendu xorta, u jagħmlu l-lezzjoni online mill-iskola stess.

Is-Segretarjat fakkar li għalih, is-saħħa u s-sigurtà tal-istudenti u tal-għalliema tibqa’ l-iżjed ħaġa importanti. B’din il-miżura ta’ prekawzjoni, l-iskejjel tal-Knisja qed jittamaw li jirnexxilhom jikkontrollaw l-imxija tal-coronavirus.

F’Għawdex, skola sekondarja diġà kienet ħadet id-deċiżjoni li tiftaħ online għall-ewwel bħala prekawzjoni.

L-Unjin għall-Edukaturi Professjonali (UPE – Voice of the Workers) irreaġixxiet għad-deċiżjoni tal-iskejjel tal-Knisja u qalet li l-iskejjel tal-Gvern misshom jagħmlu l-istess. L-Unjin tal-Għalliema (MUT) ukoll laqgħet din id-deċiżjoni.

Minħabba n-numru kbir ta’ każijiet tal-Covid-19, qamet inċertezza fuq il-ftuħ tal-iskejjel għada. L-Unjin tal-Għalliema (MUT) dalgħodu qalet li hi infurmata li l-awtoritajiet tas-saħħa taw parir lill-Ministeru tal-Edukazzjoni biex l-iskejjel ma jiftħux, iżda l-Ministeru qed jinjora dan il-parir.

L-MUT semmiet il-possibbiltà li toħroġ xi direttivi għall-membri tagħha aktar tard illum.