L-iskejjel tal-Knisja bi tħassib serju dwar il-liġi proposta tal-ugwaljanza

Read in English.

L-iskejjel tal-Knisja esprimew it-tħassib tagħhom għal-liġi proposta dwar l-ugwaljanza filwaqt li pproponew li din għandha tinkludi klawsola biex jiġi protett id-dritt tal-għażla tal-ġenituri fl-edukazzjoni ta’ wliedhom.

L-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel tal-Knisja, is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija, il-Kunsill tas-Superjuri Maġġuri Reliġjużi, kif ukoll rappreżentanti tal-assoċjazzjonijiet tal-ġenituri li għandhom uliedhom fl-iskejjel tal-Knisja, stqarru li t-tibdil se jwassal għall-konsegwenza li l-ġenituri jiġu mċaħħda mid-dritt li jagħżlu skejjel b’etos partikolari għal uliedhom.

Huma appellaw lill-membri parlamentari kollha biex iħaddnu u jipproteġu l-valuri ta’ diversità, id-dinjità tal-bniedem u d-dritt tal-libertà tat-twemmin b’mod effettiv sakemm dan it-twemmin ma jmurx kontra d-drittijiet tal-bniedem.

Spjegaw li l-abbozz, li l-għan tiegħu kellu jkun li jippromwovi r-rispett lejn id-diversità, fil-fatt qed joħnoq id-dritt tal-libertà tat-twemmin b’konsegwenzi serji fuq l-espressjoni tal-etos Nisrani tal-iskejjel tal-Knisja.

Fl-istqarrija maħruġa mill-Arċidjoċesi ta’ Malta jistqarru li jekk dan l-abbozz ma jiġix emendat u eventwalment isir liġi, l-edukaturi Nsara jistgħu jsibu ruħhom f’sitwazzjoni li fiha jkollhom jippromwovu valuri li jmorru kontra l-kuxjenza tagħhom. Jgħidu wkoll li dan hu ksur serju tad-dritt tal-libertà tal-espressjoni u tad-dinjità tal-bniedem.

Fid-dawl ta’ dan it-tħassib serju, l-għaqdiet tal-Knisja ppreżentaw l-proposti sabiex jinbidel dan l-abbozz. Huma qed jipproponu li tiġi introdotta klawsola fundamentali fl-abbozz tal-Liġi li tippermetti l-oġġezzjoni skont il-kuxjenza.