L-iskejjel tal-Ingliż se jiftħu fl-1 ta’ Lulju

L-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż lill-istudenti barranin se jiftħu fl-1 ta’ Lulju.

Dan tħabbar fi stqarrija maħruġa mill-Federazzjoni għall-Organizzazzjonijiet li Jgħallmu l-Ingliż f’Malta (FELTOM) dalgħodu.

Il-FELTOM qalet li hija tat l-istruzzjoni lill-iskejjel biex jiftħu fl-1 ta’ Lulju bħala sinjal ta’ rieda tajba, minkejja li taf is-sagrifiċċji finanzjarji li se jkollhom minħabba ċ-ċirkostanzi. B’din il-mossa, il-Federazzjoni trid tibgħat messaġġ pożittiv li hi lesta tiġbed l-istess ħabel mal-Gvern biex tipprova tirritorna lejn in-normalità.

L-iskejjel tal-Ingliż raw nuqqas ta’ dħul kbir, u eventwalment kellhom jagħlqu, minħabba l-imxija tal-coronavirus. Peress li l-maġġoranza kbira tal-istudenti jkunu barranin li jiġu Malta propju biex jistudjaw l-Ingliż, l-iskejjel spiċċaw bla studenti meta ngħalaq l-ajruport sabiex tiġi kkontrollata l-imxija.

Il-Federazzjoni, iżda, sostniet li trid lill-Gvern jifhem u jkun konxju li l-iskejjel li jiddeċiedu li jiftħu se jagħmlu dan b’nuqqasijiet finanzjarji kbar għan-negozji tagħhom. Bilfors se jkollhom jaħdmu bit-telf sakemm ma l-Gvern jiggarantixxi pakkett speċifiku għall-industrija tagħhom, peress li mingħajr dan il-pakkett, Malta jaf ma jkollhiex industrija tat-tagħlim tal-Ingliż lill-barranin fis-snin li ġejjin, kompliet tgħid il-FELTOM.

Issoktat tgħid li l-iskejjel ma ngħatawx biżżejjed żmien biex jippreparaw biex jiftħu, peress li l-aħbar li l-ajruport se jiftaħ saret biss ftit qabel ma hu mistenni jiftaħ. L-isforzi ta’ riklamar u promozzjoni, b’hekk, intilfu. Barra minn hekk, l-iskejjel iridu jippreparaw il-bini skont il-linji gwida u l-protokolli meħtieġa minħabba l-pandemija.

Skont il-FELTOM, l-awtoritajiet wiegħdu li jippubblikaw il-linji gwida u l-protokolli sa tmiem din il-ġimgħa.

Il-FELTOM temmen li l-isforzi tar-riklamar se jkunu limitati f’dan l-istadju, u għandha dubju jekk l-iskejjel humiex se jirnexxilhom idaħħlu dak li jkunu nefqu, wisq anqas jagħmlu profitt.

Mid-19-il pajjiż li jistgħu jsiru vjaġġi minn u lejn Malta, il-Ġermanja, l-Awstrija u l-Iżvizzera biss jistgħu jitqiesu bħala pajjiżi li jagħlfu lill-industrija tal-ELT (English Language Teaching). B’hekk, il-FELTOM hi tal-fehma li l-għadd ta’ studenti li potenzjalment jistgħu jiġu jistudjaw Malta se jonqos bil-kbir, peress li l-ikbar swieq għal din l-industrija normalment huma tal-Italja, Spanja, Franza u r-Russja. L-ebda minn dawn il-pajjiżi ma hu wieħed mid-19 li jistgħu jiġu nies minnhom.

Għalkemm l-iskejjel huma mħeġġin jiftħu, għadd sostanzjali minnhom diġà għalqu l-bibien tagħhom peress li jħossu li se tkun sitwazzjoni wisq diffiċli finanzjarjament.