L-Iskejjel tal-Ingliż ma jħallsux lill-għalliema; il-UPE b’azzjoni industrijali

Read in English.

L-unjin tal-edukaturi, il-UPE-Voice of the Workers se tirrikorri għal azzjonijiet industrijali hekk kif l-Iskejjel tal-Ingliż f’Malta ma ħallsux lill-għalliema tagħhom.

Fi stqarrija, il-UPE qalet li ħafna mill-membri tagħha spiċċaw ma daħħlu xejn għas-sigħat li ħadmu f’Marzu. Fissret li hekk kif uħud mill-għalliema tkellmu mal-imgħallem biex is-sitwazzjoni tissolva malajr kemm jista’ jkun, intqalilhom li l-iskejjel m’għandhomx flus biżżejjed biex iħallsu l-pagi tagħhom u għaldaqstant f’dawn il-mumenti ma setgħux iħallsuhom. Lanqas ma ntqalilhom meta għandhom jistennew il-paga. 

Barra minn hekk, skont il-UPE, l-għalliema ngħataw struzzjoni biex ikomplu jaħdmu online, mingħajr garanzija li se jitħallsu dalwaqt. L-unjin spjegat li n-nuqqas ta’ interess mill-għalliema biex jaħdmu wassal għal theddida mill-imgħallmin, li nfurmawhom li jekk jirrifjutaw li jaħdmu f’dawn il-kundizzjonijiet, ma jissottomessux l-applikazzjoni għall-għajnuna mill-Gvern f’isimhom.

L-unjin esprimiet ix-xokk tagħha għal dan l-aġir li sejħitlu insensittiv u krudili, u li qed jippermetti li l-għalliema jaffaċċjaw din il-kriżi b’idejhom vojta.

F’dan ix-xenarju, l-unjin iddeċidiet li tieħu azzjoni biex tipproteġi lill-membri tagħha milli jispiċċaw b’idejhom fuq żaqqhom. L-unjin mhix teskludi l-possibilità li permezz tad-Direttorat għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi tiftaħ proċeduri kriminali kontra min iħaddem.

Fl-10 ta’ Marzu li għadda, kelliem għall-FELTOM qal li kien hemm 4,000 student mill-Italja u Franza, li fl-aħħar tliet ġimgħat ħassru li jattendu l-lezzjonijiet tal-Ingliż f’Malta.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn