L-iskejjel tal-Ingliż għadhom ma ġewx megħjuna mill-Gvern – PN

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern jidher li m’għandux pjan fit-tul għall-iskejjel tal-Ingliż, li ħadu daqqa kbira bl-imxija tal-coronavirus, peress li jiddependu mill-istudenti barranin li jiġu f’Malta. Il-PN qal li l-iskejjel fehmuh li minkejja li applikaw għall-għajnuna finanzjarja tal-Gvern, u din l-applikazzjoni tagħhom ġiet aċċettata, huma għadhom ma ġewx megħjuna.

Fi stqarrija ġie spjegat illi l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kellu laqgħa virtwali ma’ għadd ta’ skejjel tal-Ingliż. Minn din il-laqgħa sar jaf li numru kbir ta’ impjegati għadhom ma rċevewx l-għajnuna mwiegħda fit-tielet pakkett finanzjarju mħabbar mill-Gvern.

Delia stqarr li dawn il-laqgħat qed isiru sabiex l-Oppożizzjoni tibqa’ proattiva u toħroġ bi proposti konkreti ħalli l-Gvern tassew jgħin lill-ħaddiema. Il-kritika ewlenija tal-PN hi li fis-settur privat hemm madwar 110,000 ħaddiem li s’issa ma ngħataw ebda benefiċċju. Dan kien kkonfermat mir-rappreżentanti tal-iskejjel tal-Ingliż illi saħqu li minkejja li jikkwalifikaw għall-iskema ta’ €800, u minkejja li l-applikazzjonijiet tagħhom ġew approvati, s’issa għadhom ma rċivew l-ebda fondi mill-Gvern u kellhom joħorġu l-pagi ta’ Marzu u April minn buthom.

Il-membri ta’ FELTOM stqarrew li kienu l-ewwel industrija, flimkien mat-turiżmu, li ntlaqtet mill-imxija tal-Covid-19 f’Malta malli bdew ir-restrizzjonijet fuq l-ivvjaġġar madwar id-dinja. Huma talbu għal pjan nazzjonali li mhux biss jasal sa Ġunju li ġej.

Matul din il-laqgħaDelia kien akkumpanjat mill-Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Parlament David Agius, il-Viċi Kap għall-Affarjiet tal-Partit Robert Arrigo u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni u t-Tiġdid tad-Dinja tax-Xogħol u d-Djalogu Soċjali Parteċipattiv Clyde Puli.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn