L-iskejjel se jibqgħu magħluqin mill-inqas sas-17 ta’ April

L-iskejjel se jibqgħu magħluqin mill-inqas sas-17 ta’ April, skont il-Gvern.

Fi stqarrija l-Gvern qal li wara li kkonsulta mal-awtoritajiet tas-saħħa ddeċieda li l-istituzzjonijiet edukattivi kollha jibqgħu magħluqin sat-tmiem tal-vaganzi tal-Għid. Il-vaganzi jispiċċaw fis-17 ta’ April.

Il-Gvern qal li “qed jirriżerva” li eqreb lejn is-17 ta’ April jieħu deċiżjonijiet oħra dwar l-iskejjel.

Ilbieraħ Newsbook.com.mt żvela li f’avviż legali maħruġ ilbieraħ filgħaxija, intqal illi l-iskejjel se jibqgħu magħluqin sakemm il-Gvern iħabbar li se jinfetħu. Ilbieraħ, ma ngħatatx data preċiża ta’ meta se jerġgħu jinfetħu. Il-liġi se tidħol fis-seħħ fil-21 ta’ Marzu.

Fi stqarrija maħruġa fl-10am illum, il-Gvern fakkar li l-iskejjel għall-ewwel kienu se jingħalqu sal-20 ta’ Marzu bħala miżura miżura ta’ prekawzjoni kontra t-tixrid tal-COVID-19.

“Dakinhar kien intqal ukoll li l-Gvern kien se jagħmel pronunzjamenti oħra f’din il-ġimgħa li qegħdin fiha dwar jekk il-perjodu tal-għeluq tal-iskejjel għandux jiġi estiż,” qal il-Gvern.

“Il-Gvern għalhekk iħabbar li, wara konsultazzjonijiet mal-awtoritajiet tas-saħħa, l-perjodu ta’ għeluq tal-iskejjel, childcare centres, kif ukoll l-istituzzjonijiet edukattivi kollha se jiġi estiż.”

Intant l-Awtoritajiet tas-Saħħa ssospendew t-titjiriet skedati lejn Malta mis-Sibt li ġej. Dan f’avviż li ntbagħat bħala Notice to Airmen (NOTAM) tard it-Tlieta filgħaxija. Il-Gvern għadu ma ħareġ l-ebda stqarrija dwar dan iżda l-aħbar ġiet ivverifikata.

Intant, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Clyde Puli qal li l-Partit Nazzjonalista jilqa’ id-deċiżjoni tal-estensjoni tal-perjodu t’għeluq tal-iskejjel biex fl-aqwa interess tal-Maltin u l-Għawdxin nikkumbattu l-imxija tal-COVID-19. Huwa stqarr li din id-deċiżjoni tal-estensjoni turi li t-talba ta’ sitt ijiem ilu mill-Oppożizzjoni biex jingħalqu l-iskejjel kienet talba għaqlija u bżonnjuża.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn