L-iskejjel se jibqgħu magħluqin b’mod indefinit

Read in English.

L-iskejjel għandhom jibqgħu magħluqin b’mod indefinit, sakemm il-Gvern joħroġ avviż li se jerġgħu jinfetħu.

L-istituzzjonijiet edukattivi kollha f’Malta ngħalqu nhar il-Ġimgħa li għadda minħabba l-imxija tal-coronavirus. F’konferenza stampa l-Ħamis tal-ġimgħa li għaddiet, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li din kienet miżura li l-Gvern iddeċieda li jieħu sabiex l-istudenti u l-għalliema ma jibqgħux jinġabru fi spazju żgħir.

Il-Gvern kien qal li l-iskejjel se jibqgħu magħluqin sal-Ġimgħa, imbagħad jitħabbar x’se jsir meta tiġi evalwata s-sitwazzjoni.

F’avviż legali maħruġ illejla, intqal illi l-iskejjel se jibqgħu magħluqin sakemm il-Gvern iħabbar li se jinfetħu. Għalhekk, ma ngħatatx data preċiża ta’ meta se jerġgħu jinfetħu. Il-liġi se tidħol fis-seħħ fil-21 ta’ Marzu.

Minn nofsillejl, il-bars, ir-ristoranti u l-gyms ukoll se jingħalqu.

S’issa Malta għandha 38 każ tal-coronavirus, uħud minnhom trażmessi lokalment. Minn dawn kien hemm tnejn li fiequ.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn