L-iskejjel mhux se jiftħu din is-sena skolastika – MUT

L-unjin tal-għalliema MUT qalet li l-iskejjel mhux se jiftħu din is-sena skolastika.

L-MUT ħarġet stqarrija li fiha qalet li hemm min b’mod żbaljat qed jgħid li l-iskejjel jaf jinfetħu daqt. Dan mhux minnu.

L-MUT teskludi li kien hemm jew li se jkun hemm diskussjonijiet dwar il-ftuħ tal-iskejjel f’din is-sena skolastika. Saħqet li mhi se taċċetta l-ebda tibdil fid-deċiżjoni li ttieħdet f’Marzu biex jingħalqu l-iskejjel.

L-MUT ħabbret li bdew id-diskussjonijiet dwar il-ftuħ tal-iskejjel għas-sena skolastika li jmiss. Spjegat li se tkun qed tinvolvi l-membri tagħha f’dawn id-diskussjonijiet.

Fis-17 ta’ Marzu kien tħabbar li l-iskejjel għandhom jibqgħu magħluqin b’mod indefinit, sakemm il-Gvern joħroġ avviż li se jerġgħu jinfetħu.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn