L-iskejjel jerġgħu jiftħu t-Tnejn: min jaqbel, min le

child school mask
Ritratt: Unsplash

Read in English.

It-Tnejn se jerġgħu jiftħu l-iskejjel kollha wara l-vaganzi tal-Milied.

L-iskejjel tal-Gvern kellhom jiftħu l-Ħamis li għadda, imma minħabba l-għadd allarmanti tal-każijiet tal-coronavirus, li laħqu rekords ġodda din il-ġimgħa, l-għalliema ddeċidew li jistrajkaw għal jumejn, peress li l-Gvern ma riedx iħallihom jgħallmu online l-Ħamis u l-Ġimgħa.

Xi skejjel tal-Knisja u indipendenti kienu diġà ħadu d-deċiżjoni li jagħtu lezzjonijiet online. Is-Segretarjat tal-Edukazzjoni Kattolika ħabbar nhar l-Erbgħa li l-Ħamis u l-Ġimgħa l-iskejjel tal-Knisja kellhom jgħallmu online.

Nhar il-Ġimgħa filgħaxija l-Unjin tal-Għalliema (MUT) ħabbret li se ttemm it-tilwima industrijali u l-iskejjel kollha, inkluż tal-Knisja u indipendenti, se jiftħu nhar it-Tnejn.

Wara din id-deċiżjoni, qam dibattitu, primarjament fost l-għalliema u l-ġenituri.

L-għalliema jgħidu tagħhom

Uħud gergru fuq il-fatt li sakemm ittieħdet din id-deċiżjoni, it-tfal tilfu jumejn ta’ tagħlim, u dan seta’ ġie evitat kieku l-Gvern ma webbisx rasu u aċċetta li t-tagħlim isir online l-Ħamis u l-Ġimgħa.

L-iżjed li qala’ kritika kien dak li qalu l-awtoritajiet fl-istqarrija li ħarġu biex iħabbru l-qbil li ntlaħaq bejn il-Gvern, l-MUT u r-rappreżentanti tal-iskejjel tal-Knisja u l-iskejjel indipendenti, billi qalu li l-konklużjoni tal-laqgħat ta’ diskussjoni li saru kienet li ngħatat l-assigurazzjoni ċara li, billi l-iskejjel ikunu miftuħa b’miżuri ta’ mitigazzjoni, aktar hemm tendenza li jonqsu l-każijiet fil-komunità għax il-familji jipparteċipaw f’inqas attivitajiet soċjali. “Dan jipprovdi iktar protezzjoni lit-tfal u lill-edukaturi u jgħin biex irażżan il-pandemija fuq livell nazzjonali.”

Għalliem minnhom irreaġixxa fuq il-midja soċjali billi qal li din l-istqarrija allura turi li l-għalliema li tant ġew kritikati huma meħtieġa fil-pandemija kważi daqs il-vaċċin. Apparti hekk, argumenta dan, dan ifisser li l-poplu Malti sar egoist tant li l-uniku mod kif jitrażżan milli jixxala u jxerred il-virus huwa billi t-tfal jintbagħtu l-iskola ħalli l-ġenituri joħorġu inqas.

Persuni oħra ħassewhom offiżi b’din l-istqarrija għax din bħallikieku tindika li l-iskejjel mhux qegħdin hemm biex jgħallmu u jedukaw imma biex jieħdu ħsieb lit-tfal, bħallikieku l-għalliema huma babysitters. Għalliem saħansitra qal li qata’ qalbu minn Malta minħabba dak li ntqal, li bl-iskejjel miftuħin, il-każijiet se jonqsu.

Kien hemm oħrajn li kkumparaw is-sitwazzjoni ma’ barra minn Malta, fejn diversi skejjel iddeċidew li ma jiftħux, pereżempju fir-Renju Unit. Huma staqsew x’inhi d-differenza bejn Malta u pajjiżi bħal dawn ġaladarba f’Malta wkoll hawn l-akbar ammont ta’ każijiet li qatt kien hawn ta’ coronavirus.

“Irresponsabbli li jxerrdu din l-istupidità” – Cassola

Il-kandidat indipendenti Arnold Cassola wkoll semma leħnu fuq il-kwistjoni. Huwa saħaq li hu irresponsabbli min-naħa tal-Prim Ministru Robert Abela, tad-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci u tal-espert Dr Vincent Marmarà li jxerrdu “stupiditajiet mhux xjentifiċi” bħall-istqarrija li għamlu li l-virus jinfirex inqas jekk it-tfal imorru l-iskola.

Spjega li l-virus inxtered ħafna f’dawn l-aħħar jiem mhux għax it-tfal kienu d-dar, imma għax in-nies kienu qegħdin barra jitħalltu. Sostna li l-fatti huma li t-tfal qagħdu d-dar għal 120 ġurnata bejn Marzu u Ġunju, u l-għadd tal-każijiet niżel għal żero.

Min-naħa l-oħra, oħrajn li jaqblu mal-ftuħ tal-iskejjel qalu li ma jarawx periklu għax il-virus ma tantx jinxtered bejn dawk li għandhom inqas minn 16-il sena. Stqarrew ukoll li l-infezzjoni fit-tfal hija stabbli, u li kull skola qed tieħu l-prekawzjonijiet kollha li ordnaw li jittieħdu l-awtoritajiet tas-saħħa.

L-MUT tirrispondi għall-kritika

Intant, l-MUT iddefendiet l-istrajk darba war’oħra u qalet li dan kien bżonjuż, għax rebbaħ permezz tiegħu, xorta l-għalliema u l-istudenti damu jumejn oħra biex imorru l-iskola u huma dak li riedu, biex ikun hemm iżjed żmien mill-festi, u inqas tixrid tal-virus.

Illum l-MUT ħarġet stqarrija li fiha rrispondiet il-kritika li qalgħet. Sostniet li kulma tagħmel, hija tagħmlu għall-ġid tal-istudenti, tal-edukaturi u l-ġenituri. Għall-kritika li l-MUT biddlet fehemtha wara li sejħet l-istrajk, hija qalet li dan mhuwiex il-każ. Spjegat li l-grupp ta’ ħidma li kien twaqqaf f’Marzu se jerġa’ jibda jaħdem sabiex jibqa’ josserva s-sitwazzjoni. Mhijiex qed teskludi li ssejjaħ strajk ieħor jekk ikun hemm il-bżonn.

L-unjin ikkundannat kliem dispreġġjattiv li sar kontra l-għalliema, bħall-allegazzjoni li riedu l-istrajk biex ikomplu jgawdu l-vaganzi. “Kienet xi ħaġa tal-mistħija li tara lil ħafna, li minflok jingħaqdu sabiex noħorġu minn din il-pandemija b’saħħitna, aktar moħħhom biex joffendu b’hate speech kontinwu u jmaqdru lill-edukaturi b’aġġettivi u argumenti bla bażi. L-edukaturi jisħoqqilhom l-aqwa tifħir tax-xogħol tagħhom, kemm dak edukattiv u anki l-preparazzjoni kollha straordinarja li għamlu minħabba l-protokolli tas-saħħa.”

Din il-ġimgħa ntqalu eluf ta’ kummenti fil-konfront tal-edukaturi u tal-MUT. B’umiltà qegħdin nirriproduċu xi ftit…

Posted by Malta Union of Teachers on Sunday, January 10, 2021

Int taqbel li l-iskejjel jiftħu għada?

Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt