L-iskejjel imħeġġin jużaw skeners biex jiċċekkjaw it-temperatura

REUTERS/Martin Pollard

Read in English.

Il-kumpanija Evolve Ltd ħeġġet lill-awtoritajiet Maltin sabiex fl-iskejjel jintużaw skeners li l-istudenti jgħaddu minnhom sabiex tiġi ċċekkjata t-temperatura tagħhom, minflok ikun hemm persuna li tiċċekkja t-temperatura ta’ kull student jew studenta li jidħol fl-iskola.

Il-ġimgħa li għaddiet, il-Ministeru għall-Edukazzjoni ħabbar linji gwida li ħadem fuqhom flimkien mal-awtoritajiet tas-saħħa għall-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel fil-ġimgħat li ġejjin. Dan wara li kien hemm dubji jekk l-iskejjel humiex se jerġgħu jiftħu minħabba l-imxija tal-coronavirus.

Wieħed minn dawn il-linji gwida huwa li t-temperatura ta’ kull min jidħol fl-iskola tiġi ċċekkjata. Jekk persuna jkollha d-deni, ma titħalliex tidħol. Fil-każ tal-istudenti, se jkun hemm spazju apposta fejn dawn jinżammu sakemm jistennew lill-ġenituri jmorru għalihom.

Il-kumpanija Evolve Ltd, li għandha l-uffiċċji tagħha f’Ħal Luqa, ħeġġet lill-awtoritajiet sabiex jinvestu fl-aħħar teknoloġija sabiex jiżguraw lill-ġenituri li wliedhom se jkunu f’saħħithom, u anke l-edukaturi.

Hija qed tissuġġerixxi li skeners u taqsimiet tad-diżinfettar jistgħu jitqiegħdu mad-daħla tal-iskola. Dawn ikunu simili tal-apparat li ntuża fl-ajruporti sabiex tiġi ċċekkjata t-temperatura tal-passiġġiera.

Id-Direttur tal-kumpanija, Christopher Busuttil, qal li dawn l-iskeners jistgħu jiskenjaw mas-60 student kull minuta, jew student wieħed f’kull sekonda. Huwa qal li dan l-apparat hu ideali għall-uffiċċji, għall-fabbriki, għar-ristoranti, għall-knejjes, għaċ-ċinemas, għall-istabbilimenti sporitivi u anke għal-lukandi.

Taqbel li jintuża dan l-apparat?

Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt.