Il-Ministeru tal-Edukazzjoni qal li l-iskejjel se jerġgħu jiftħu għada bl-istess miżuri li kienu fis-seħħ qabel il-Milied.
Mistoqsi minn Newsbook.com.mt jekk hux se jittieħdu miżuri ġodda minħabba l-varjant il-ġdid tal-coronavirus, li jinfirex aktar malajr, kelliem għall-Ministeru tal-Edukazzjoni spjega li l-iskejjel tal-Gvern ħadu l-miżuri kollha meħtieġa skont il-linji gwida tal-awtoritajiet tas-saħħa, u se jiftħu b’dawn il-miżuri għada, is-7 ta’ Jannar.
Issokta jgħid li kienu dawn il-miżuri li wasslu għall-ftuħ sigur tal-iskejjel f’Ottubru li għadda. Dawn swew lill-Gvern €30 miljun.
L-Unjin għall-Edukaturi Professjonali (UPE – Voice of the Workers) fl-aħħar jiem appellat lill-Ministru tal-Edukazzjoni Justyne Caruana sabiex l-istudenti jidħlu lura għall-iskola ftit ftit, u mhux kollha f’daqqa, sabiex ikun hemm inqas riskju ta’ tixrid ta’ infezzjonijiet.
Il-UPE esprimiet it-tħassib ta’ diversi edukaturi fuq il-familji li tħalltu f’dawn iż-żminijiet ta’ festi, li jaf iwassal għal aktar każijiet. B’hekk issuġġeriet li l-istudenti jidħlu ftit ftit, kif kien ġara f’Ottubru, sabiex jekk ikun hemm xi każijiet, is-sitwazzjoni tkun tista’ tiġi kkontrollata.
Madankollu, il-kelliem għall-Ministeru spjega li l-istudenti se jidħlu kollha f’daqqa għada, kif ippjanat.
Intant, il-Ministeru qed jappella għar-responsabbiltà, sabiex jekk ikun hemm xi studenti li jkollhom xi sintomi, dawn ma jattendux għall-iskola u jagħmlu swab test.