L-iskeda tal-ħarifa ta’ Net

Valerie Vella, Marco Calleja u Mireille Bonello jippreżentaw Kikkra Tè. Ritratt: Bernard Polidano

Minn għada t-Tnejn 5 ta’ Ottubru, l-istazzjon Net se jkun qed jagħti bidu għall-iskeda tal-aħrifa li matulha se jkunu qed jitwasslu għadd ta’ programmi ta’ interess. 

Kuljum mit-Tnejn sal-Ġimgħa fin-12:30pm Stephanie Chircop u Dulcima Aquilina se jkunu magħkom bil-programm Bejnietna. Programm b’differenza għal dan il-hin tal-ġurnata b’riċetti u intervisti mill-aktar interessanti.

Aktar tard matul il-jum fl-4.30pm Valerie Vella, Mireille Bonello u Marco Calleja ser jippreżentaw Kikkra Tè. It-tim tal-produzzjoni ta’ dan il-programm qed jipprepara mistiedna minn diversi oqsma fis-soċjetà fejn jitwassal tagħrif mill-aktar interessanti waqt li t-telespettaturi jsegwu dan il-programm b’xi mug tè jew kafè f’idejhom. Ma jonqsux servizzi informattivi u tirritorna wkoll ir-rokna Imkejjen Storiċi mwassla minn Gabriel Farrugia.

NET Live jirritorna fl-iskeda tal-ħarifa wara l-aġġornament tas-6pm fejn Robert Cremona flimkien mal-mistiedna tiegħu jagħti ħarsa lejn il-ġrajjiet kurrenti li jkunu qed iseħħu.

Il-Programm Life & Style ppreżentat minn Lea Hogg se jkun qed jixxandar It-Tnejn, It-Tlieta, L-Erbgha u s-Sibt wara l-bulletin tas-7,30pm, filwaqt li l-Ħadd jixxandar fl-10:15pm.

Il-Ħamis fit-8:15pm jixxandar il-programm Magħkom mill-istess preżentatrici filwaqt li l-Ġimgħa fit-8.15pm Nicolette Magri Cremona tippreżenta Flusek bi produzzjoni ta’ New Age Media.

Prime-Time

Nhar ta’ Tnejn fid-8.45pm il-programm Profili se jkun qed iwasslilkom intervisti ma’ personalitajiet li aħna familjari magħhom, b’mistoqsijiet kemxejn differenti minn tas-soltu fejn niskopru lil-personalità aktar mill-viċin bi preżentazzjoni ta’ James Aaron Ellul. Ezattament wara jixxandar dokumentarju dwar il-50 sena tal-gazzetta In-Nazzjon. Bi preżentazzjoni ta’ Dione Borg u produzzjoni ta’ Simon Vella Gregory dan id-dokumentarju se jwasslilkom l-esperjenza ta’ din il-gazzetta u l-avvenimenti importanti li waslet lill-qarrejja tagħha f’dawn is-snin, filwaqt li jingħata rikonoxximent lejn dawk kollha li ħadmu u għadhom jaħdmu ta’ kuljum biex titwassal din il-gazzetta.

It-Tlieta jirritorna l-programm Newsroom li jagħti ħarsa x’inhu jiġri f’pajjiżna. L-aspett politiku, problemi soċjali, stejjer investigattivi u ħafna iktar.

Net News

It-Tlieta wkoll fid-9:50pm Marbeck Spiteri se tippreżenta programm relatat mas-saħħa. Dan se jinkludi tagħrif u informazzjoni kif nistgħu nieħdu ħsieb saħħitna ma’ persuni speċjalizzati fil-qasam.

L-Erbgha fid-8:45pm Roderick Agius u Louise Tedesco se jippreżentaw il-programm Dritt għalll-Punt. Kif jixhed l-isem tal-programm se jkun qed jiġu analizzati direttament issues ta’ importanza nazzjonali u flimkien mal-mistiedna jiddiskuti dan kollu minghajr kantunieri.

Aktar tard matul il-jum tal-Erbgħa Graziella Galea ser tagħti ħarsa lejn issues li l-lokalitajiet tagħna qed jesperjenzaw ta’ kuljum bi programm ġdid bl-isem Il-Kunsill.

Sarah Camilleri, Veronica Farrugia u Lenies Gauci fis-sensiela Fattigi

Id-drama popolari Fattigi tirritorna għat-tielet staġun bi stejjer reali mill-aktar interessanti fejn l-kontroversji se jkomplu jżewqu din il-ġrajja. Fid-9:50pm CAM Productions iwasslu mill-ġdid il-programm Soċjo-Reliġjuż mill-ġdid ippreżentat minn Francesca Polidano.

Cam Productions se jkunu qed iwasslu x-xandira tal-Quddiesa li ser tibqa’ tkun ta’ kuljum f’din l-iskeda iżda b’ħin differenti. Mit-Tnejn sas-Sibt se tkun qed tixxandar wara l-aġġornament ta’ NET News tal-12:00pm filwaqt li l-Ħadd ser tixxandar fl-10:30am.

Il-programm Meander Arti u Kultura jżomm l-appuntament tiegħu nhar ta’ Ġimgħa fid-8:45pm filwaqt li warajh jixxandar il-programm Replay Preview li jagħti ħarsa fid-dettall lejn il-logħob ta’ tmiem il-ġimgha mill-kampjonat Malti.

Is-Sibt u l-Ħadd fl-4.30pm il-programm Family Affair flimkien ma’ Eileen Montesin, Mark Haber, Christine Haber u l-mistiedna regolari tagħhom.