​L-iskart hu riżors għall-ekonomija – Miriam Dalli

Il-Membru tal-Parlament Ewropew Laburista Miriam Dalli qalet li wieħed irid jibda jħares lejn l-iskart bħala riżors li jista’ jikkontribwixxi għall-ekonomija ta’ Malta, anke billi jħaddem diversi nies fis-settur.
Fi stqarrija, Dalli qalet li jekk Malta ma tilħaqx il-miri tagħha tar-riċiklaġġ u t-tnaqqis tal-iskart, il-pajjiż se jkun qed jitlef opportunità ekonomika u ambjentali. Hi qalet dan il-kliem waqt żjara fil-faċilità ta’ WEEE Malta u GreenMT fl-Imqabba. Dalli saħqet li hemm bżonn ta’ aktar inizjattivi, infurzar akbar u parteċipazzjoni sħiħa taċ-ċittadini”.
WEEE Malta hija kumpanija tal-immaniġġjar ta’ skart elettriku u elettroniku li jaħdem b’batteriji jew elettriku, filwaqt li Green MT tieħu ħsieb skart tal-ippakkjar.
Dalli spjegat li l-ekonomija ċirkulari tista’ twassal għat-tkabbir ta' niċeċ ġodda, iżda żiedet tgħid li biex dan isir hemm bżonn investiment dirett fir-riċerka u l-innovazzjoni.