L-iskart f’Malta jiżdied b’5.7%

L-iskart iġġenerat f’Malta żdied b’5.7% bejn is-sena 2015 u s-sena 2016.
Dan ġie kkonfermat fi statistika ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) li ppubblikat id-data pprovduta minn WasteServe Malta u l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA.
It-total tal-ammont ta’ skart iġġenerat fl-2016 kien kważi 2 miljun tunnellati, b’żieda ta’ 5.7% fuq is-sena ta’ qabel. L-akbar żieda kienet irreġistrata fl-iskart perikoluż b’żieda ta’ 176%.
It-trattament tal-iskart naqas b’10.5% fl-istess perjodu. L-NSO jgħid li dan ġara minħabba li kien hemm tnaqqis ukoll fl-iskart irriċiklat minħabba l-iskart li joriġina mill-industrija tal-kostruzzjoni u l-iskavar.
Fl-2016, l-iskart li ġie ddepożitat fl-impjant tal-Għallis żdied b’0.5% filwaqt li l-iskart ttrattat mill-faċilità ta’ Sant’Antnin żdied b’25.6%. Żdied ukoll ir-residwu li jkun fadal mill-iskart li jiġi ttrattat b’86%.
L-NSO jgħid li dan il-fattur żdied l-aktar minħabba li fl-2016 beda jitħaddem l-impjant ta’ trattament mekkaniku u bijoloġiku li sar b’investiment ta’ €50 miljun b’ko-finanzjament mill-Unjoni Ewropea.