L-iskarsezza tul is-sena 2020

Opinjoni ta' Salvu Felice Pace

pension-2491820_640
Image by vitaliy-m from Pixabay

Din kienet sena bla preċedent. Smajnieha kemm-il darba din l-espressjoni. Irrid niffoka dwar iskarsezzi li rajna tul din is-sena. L-ewwel waħda kienet u għadha n-nuqqas tas-saħħa tal-poplu. Il-virus li laqatna ħalla ħerba kbira fostna u kien żball kbir li ma konniex għalaqna l-ajruport tagħna qabel ma kien tard wisq. Batew eluf u dawn se jibqgħu jgħixu bil-konsegwenzi. Dawk li tilfu persuna mill-familja tagħhom mhux se jinsew għax in-nannu jew in-nanna jew oħrajn kellhom kundizzjonijiet oħrajn. Il-virus serqilhom jiem, ġimgħat, xhur jekk mhux snin minn ħajjithom u wassalhom għal mewt fis-solitudni mingħajr il-preżenza tal-maħbubin tagħhom.

Hemm l-aspett tas-saħħa mentali li għadna ma nafux għal kollox kemm il-virus kkawża problemi akuti. Mhux il-virus biss, iżda r-restrizzjonijiet li kellhom isiru ta’ bilfors, ħallew kriżi fost żgħażagħ jekk mhux suwiċidji, li aħna mdorrija naħbuhom taħt it-tapit u għalhekk nistgħu ngħidu wkoll li kellna skarsezza kbira tas-serħan tal-moħħ. Min jaf kemm relazzjonijiet marru żmerċ? Min jaf kemm issawtu wara l-bibien magħluqa? Minjaf xi trawmi għaddew minnhom tfal innoċenti? U ara ma naħsbux li l-agħar għadda. Ħadd ma jaf u min jgħid li jaf qed ikun qarrieq.

Imbagħad kellna skarsezzi li ndunajna bihom permezz tal-qrati tagħna. Ftit ġimgħat ilu semmejt kif il-vulnerabbli dejjem isofru. Maġistrat kien għamel stqarrija li x-xhieda li kien ta l-Ministru Ian Borg f’kawża ma kinitx veritiera. Borg ma riedx jirrispondi aktar mistoqsijiet mill-ġurnalisti. Il-Prim Ministru kien qal li jrid jieħu l-ħin biex jagħmel kummenti dwar dan. Il-ħin għadda u s’issa ma smajna xejn. Għandna Prim Ministru bi skarsezza ta’ trasparenza u sinċerità. Kien qalilna meta laħaq li kien ordna studju dwar il-bejgħ tal-isptarijiet lil Vitals u kif ikollu r-riżultat jieħu azzjoni. Għaddiet kważi sena u għadna ma smajna xejn. Il-vulnerabbli jibqgħu isofru sakemm hemm skarsezza politika ta’ rieda tajba. U lil Ian Borg infakkru li għandu d-dmir jagħmel kumpens ma’ dak il-persuna li kulħadd kien jaf li kien ibati b’mard mentali minbarra hu.

Kellna aktar skarsezzi. F’Kastilja kien hemm salt impjegati nieqsa mis-smigh, mill-vista t’għajnejhom u kellhom ukoll id-diżgrazzja li kienu muti wkoll. Għax meta tul l-2020 telgħu jixhdu quddiem l-Inkjesta dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, kien hemm konsistenza kbira bejniethom illi dawn ma kienu semgħu xejn, raw anqas u allura ma kellhom x’jgħidu xejn. Diversi uffiċjali tal-pulizija ma kienu għamlu xejn għax ma kellhomx riżorsi bizzejjed u kienu saru konxji ta’ dan xhur wara biss li kienet inqatlet Daphne. Skarsezza ta’ kxaxen fejn intradmu r-rapporti serji ma kienx hemm.

Kien hemm skarsezzi wkoll fost diversi Ministri. Dawn kienu bla spina u bla moħħ li kapaċi jirraġuna. Għall-Ministru Edwrd Scicluna l-imħabba għas-salarju tiegħu rebħet fuq kollox u ma kien ġara xejn li miljuni kienu ħarġu mit-teżor bil-firma tiegħu mingħajr ma kien konxju fejn kienu se jmorru. Ministri oħrajn qalu lil Muscat x’kellu jagħmel imma meta kienu ġew għas-sì jew no, xorta kienu vvutaw favur Konrad Mizzi għal darba darbtejn jekk mhux tlieta.

Jalla s-sena li ġejja tagħtina nifs mill-problemi tas-saħħa, rigward il-problemi l-oħra huwa l-poplu li jrid juża moħħu biex jgħarbel mill-ħażin u t-tajjeb u flok ma jpoġġi lilu nnifsu l-ewwel, ipoġġi l-futur ta’ wliedu u ta’ pajjiżna l-ewwel.

Is-sena t-tajba lill-kollaboraturi ta’ dan il-portal u lill-qarrejja.

Salvu Felice Pace