“L-iskandlu tal-Panama hu theddida għas-settur finanzjarju ta’ Malta”

Il-Forum tal-Intrapriżi Żgħar u Medju fi ħdan il-Partit Nazzjonalista (l-FSME) qal li l-iskandlu tal-PanamaPapers hu ta’ theddida għas-settur finanzjarju ta’ Malta u appellat biex fl-interess ta’ Malta, Konrad Mizzi u Keith Schembri jirriżenjaw jew jitkeċċew mill-Prim Ministru immedjatament.
Fi stqarrija l-FSME qalet li tħoss li l-fatt li hemm ministru ewlieni tal-Gvern u chief of staff mill-uffiċċju tal-Prim Ministru involuti f’dan l-iskandlu hu ta’ theddida għar-reputazzjoni ta’ Malta u tas-settur finanzjarju.
Saħqet li dan l-iskandlu jista’ jżomm l-investituri barranin milli jinvestu f’Malta u għalhekk Malta titlef it-tkabbir tant importanti fi ħdan l-ekonomija tagħha.
L-FSME temmen ukoll li dak li ġie mibni minn Amministrazzjoni Nazzjonalista preċedenti, biex Malta tgawdi minn ekonomija b’saħħitha, speċjalment fi ħdan is-settur finanzjarju, qed tintilef malajr ħafna taħt dan il-gvern.