“L-iskandlu ta’ Gaffarena hu l-bidu tat-tmiem ta’ Joseph Muscat”

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li l-iskandlu ta’ Gaffarena hu l-bidu tat-tmiem tal-Prim Ministru Joseph Muscat u li meta l-Gvern Laburista jagħmel żball jiġri bħal fenek, iżda biex jirranġa l-iżbalji li għamel jimxi bħal fekruna.
F’attività politika fil-każin tal-Partit Nazzjonalista taż-Żejtun, Dr Busuttil saħaq li l-lealtà tal-moviment Laburista hu biss lejn Joseph Muscat u lejn l-interessi personali u mhux lejn il-pajjiż. Qal li l-PL qed jittradixxi dak li jemmen fih, u li l-verità hi li jemmen biss f’dak li jaqbillu.
Fid-diskors tiegħu tkellem fuq l-iskandlu Gaffarena u sostna kif ir-rapport li ħareġ l-Awditur Ġenerali juri li dan hu l-iktar Gvern korrott fl-istorja ta’ Malta. Żied jgħid li dan juri wkoll li hemm rabtiet mafjużi bejn Gaffarena u d-Dipartiment tal-Artijiet, Kastilja u l-Pulizija u qal li dawn huma rabtiet perikolużi u inaċċettabbli.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni saqsa kif hu possibbli li l-Prim Ministru li fil-ministeru li jaqa’ taħtu ġew imħallsa €3.5 miljun. Qal li jekk kien jaf bih il-Prim Ministru, mela allura għandu jerfa’ r-responsabbiltà politika tiegħu hu wkoll. Saqsa wkoll jekk hux possibbli li Gaffarena ħa t-€3.5 miljun u ma ta xejn minnhom.
Dr Busuttil saħaq kif ebda eks-ministru tal-PN ma ttella’ l-Qorti fuq akkużi ta’ korruzzjoni u li l-Prim Ministru m’għandux jibqa’ jgħid “Araw x’għamiltu intom”. Qal li wasal iż-żmien li Joseph Muscat jara hu x’qed isir issa u jieħu responsabbiltà biex ikun hemm gvern nadif. Lil Dr Muscat qallu biex jekk mhux kapaċi jmexxi Gvern nadif, mela għandu jmexxi l-Gvern xi ħadd ieħor.
Temm billi qal li llum għandna tmexxija maħmuġa u li hemm bżonn innaddfu t-tmexxija Maltija. Saħaq li ma jridx li n-nies jivvutaw lill-PN għax xebgħu bl-iskandli tal-PL, iżda għax tassew jemmnu li l-PN miexi fit-triq is-sewwa u li vera qed joffri politika onestà.

Reazzjoni Partit Laburista
Il-Partit Laburista qal li l-laqgħat politiċi ta’ nhar ta’ Ħadd qed jikkonfermaw kemm il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil hu mibni fuq partiġġjaniżmu sfrenat sinonimu mal-politika tal-passat li l-poplu ilu żmien twil li warrab.
Qal li Dr Busuttil spiċċa jxejjer il-maktur tal-PN għax m’għandu ebda pjan għal Malta u ebda viżjoni għall-oqsma importanti bħalma huma l-ekonomija, ix-xogħol, l-enerġija, is-saħħa u d-drittijiet ċivili, fost oħrajn.