Aġġornata: Il-ħelsien mill-ISIS f’Mosul ikkonfermat mill-PM Iraqi

Il-PM Iraqi, Haider al-Abadi, wasal f'Mosul sabiex jifraħ lill-Forzi Iraqqini għar-rebħa fuq l-ISIS fil-belt ta' Mosul, dik li darba kienet titqies bħala fortizza tal-grupp Iżlamist.
Fi stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju tal-PM intqal li Abadi vvjaġġa lejn Mosul f'dikjarazzjoni ta' "rebħa u liberazzjoni".
Il-midja kienet diġà bdiet tirrapporta mil-lbieraħ li belt ta’ Mosul ma kienx għad fadlilha wisq taħt it-terrur tal-Istat Iżlamiku.
Issa kulma għad fadlilhom l-ISIS fl-Iraq huma nħawi rurali jew fid-deżert fil-Punent u l-Lvant tal-belt, fejn iżda eluf ta’ persuni jgħixu.
Dan kien t-tmien xahar ta’ forza offensiva fil-belt, immexxija mill-Iraqqini u l-Amerikani.
Attakki mill-ajru u oħrajn mill-art farrku l-aħħar inħawi fejn l-ISIS kienu trekknu fl-aħħar xhur.
Kelliem għall-militar qal li l-ġellieda tal-ISIS qed jiġġieldu b’kull arma possibbli li fadlilhom, u dan qed iwassal biex ħafna mis-sarar iseħħ fl-aħħar sqaqien li fadlilhom l-ISIS, li huma wkoll ippopulati immens minn persuni komuni.
Minkejja r-rebħa apparenti għall-forzi Iraqqini-Amerikani, dal-kunflitt f’dil-belt waħedha ħalla eluf mejtin, u mad-900,000 persuna bla dar, ifittxu kenn xi mkien ieħor. Dan huwa kważi nofs il-popolazzjoni tal-belt qabel il-kunflitt.
In-Nazzjonijiet Magħquda qed tbassar li biex imqar jinbnew mill-ġdid l-affarijiet bażiċi fil-belt se jkun hemm bżonn aktar minn $1 biljun.
Mosul kienet l-ewwel belt maħkuma mill-ISIS tliet snin ilu, meta ddikjara lilu nnifsu lid-dinja bħala l-kaliffat Musulman.
Il-Gvern kien ħabbar il-liberazzjoni mill-ISIS fil-Lvant ta' Mosul f'Jannar li għadda, iżda kif jidher, in-naħa tal-Punent tal-belt offra għadma wisq aktar iebsa.