L-ISIS joqtlu l-ewwel żewġ nisa

Skont l-Osservatorju għad-Drittijiet tal-Bniedem fis-Sirja, għall-ewwel darba, il-militanti tal-Istat Iżlamiku qatlu, bi qtugħ ir-ras, żewġ nisa.
Iċ-ċirkostanzi għadhom iridu jiġu stabbiliti imma l-aħbar diġà ġriet fuq il-midja Għarbija.
L-istess Osservatorju żvela li l-ISIS qatlu ħamest irġiel, ukoll fis-Sirja, minħabba li m’osservawx is-sawm impost mir-Ramadan.
Sadattant, fit-Tuneżija, ġew arrestati seba’ persuni li lkoll huma suspettati li jiffurmaw parti miċ-ċellula terroristika ta’ Seifeddine Rezgui, l-awtur tal-istraġi fuq il-bajja ta’ Sousse.
Is-seba’ persuni ġew arrestati f’inħawi differenti tat-Tuneżija. Fl-investigazzjonijiet qed tieħu sehem ukoll Scotland Yard.
Tliet Ministri Ewropej żaru t-Tuneżija fejn ikkundannaw l-attakk tal-Ġimgħa.
Fl-istess ħin, fi Franza, ir-raġel li qatel lil min tah xogħol u pprova jisplodi l-fabbrika li fiha kien jaħdem, ċaħad li wara dak li għamel nhar il-Ġimgħa kien hemm xi mottiv reliġjuż. Yassin Salhi nsista li għamel li għamel wara ġlieda ma’ martu u, xi jiem qabel, mal-istess kap tiegħu.