L-ISIS joqtlu Ingliż ieħor

Militanti tal-Istat Iżlamiku ħarġu filmat li allegatament qed juri lill-ostaġġ Britanniku qed tinqatalu rasu. L-Ingliż huwa Alan Henning, xufier ta’ taxi li kien inħataf waqt li kien qed iwassal xi għajnuna lis-Sirja f’Diċembru li għadda.
L-ISIS diġà kienu heddew li se joqtluh f’filmat li ħarġu xahar ilu meta kien inqatel l-Ingliż l-ieħor David Haines.
Il-Prim Ministru Ingliż David Cameron sostna li r-Renju Unit se jagħmel dak kollu li jista’ sabiex jinqabdu dawn il-persuni u jitressqu quddiem il-ġustizzja.
Cameron qal li l-qtil brutali ta’ dan il-missier ta’ żewġt itfal u li għandu 47 sena, juri kemm l-ISIS huwa grupp li kapaċi jwettaq atti barbari u ta’ stmerrija.
Fil-messaġġ tiegħu, il-Prim Ministru Ingliż qal li ħsibijietu jmorru f’martu u fiż-żewġ uliedu. Qal li huwa nqatel għax dan il-missier mar is-Sirja biex jagħti l-għajnuna lill-persuni li kienu qed ibatu.
Il-ġimgħa l-oħra, il-mara tiegħu Barbara Henning kienet appellat biex żewġha jinħeles għax sostniet li huwa innoċenti.