L-ISIS jitlob formalment lin-nisa tiegħu jibdew iwettqu attakki terroristiċi

Il-grupp li jsejjaħ lilu nnifsu l-Istat Iżlamiku, inkella l-ISIS, issa qed jitlob lin-nisa Musulmani biex jaqbdu l-armi u jiġġieldu dik li jsejħulha l-ġlieda qaddisa tagħhom.
F’dik li qed titqies tattika ġdida tal-grupp terroristiku minħabba li qed jitlef ħafna territorju fl-Iraq u s-Sirja, in-nisa qed jiġu mħeġġa jagħmlu bħall-irġiel għax huwa obbligu tagħhom li jagħmlu hekk.
Dan il-pass jista’ jkollu konsegwenzi globali fuq it-terroriżmu u l-firxa tiegħu madwar id-dinja.
F’edizzjoni ġdida tal-gazzetta bil-Għarbi li joħorġu l-ISIS, in-nisa jintalbu anki jissagrifikaw ruħhom għat-twemmin tagħhom li huma jgħidu huwa l-Iżlam.
Dan l-aġir mill-ISIS huwa innovattiv, għax sa issa kien xogħol l-irġiel biss li jmutu għar-reliġjon u jwettqu l-attakki qaddisin. In-nisa kienu inkuraġġiti jiżżewġu lil dawn il-gwerriera u jgħinu fit-tixrid ta’ dan it-twemmin billi fost l-oħrajn jagħmlu kemm jistgħu tfal u jtellgħuhom bl-istess mentalità ta’ żewġhom.
Studjużi tat-terroriżmu qed ibassru li b’dit-tattika l-ISIS qed jimxi minn sistema ta’ offensiva għal waħda ta’ difiża.
Sa issa l-ISIS lanqas qatt faħħar nisa li wettqu attakki terroristiċi, iżda issa jidher li qed jitlobhom jagħmlu hekk.