Grupp terroristiku jippubblika powster tal-qtugħ ir-ras tal-Papa Franġisku

Grupp b’rabta mill-qrib mal-grupp terroristiku ISIS ippubblika powster propagandistiku li fih jidher xi ħadd qed jaqta’ ras il-Papa Franġisku.
L-istampa turi terrorista tal-ġiħad, wieqaf fuq sider priġunier liebes ‘jumpsuit’ kulur oranġjo u jżomm f’idu ras Franġisku.
Fl-isfond ta’ dan it-terrorista li liebes uniformi tal-khaki u b’maktur abjad ma’ rasu, jidher ħafna bini mġarraf u ħdejn ras il-Papa hemm il-kliem “Jorge Mario Bergoglio”.
L-Istitut tar-Riċerka tal-Lvant Nofsani irrapporta li l-Fondazzjoni Wafa Media, kumpanija ta’ propaganda b’rabtiet mal-ISIS, ipproduċiet dan il-powster ftit jiem biss wara li l-istess grupp beda jiċċirkola powster ieħor li juri raġel qed isuq karozza fid-direzzjoni tal-Bażilka ta’ San Pietru fil-Vatikan b’theddida ta’ attakk terroristiku fil-jiem tal-Milied.
Analisti wissew li l-grupp terroristiku jista’ jkun qed jippjana li jwettaq attakki minn persuni weħidhom u mhux fi grupp madwar l-Ewropa hekk kif qed jaraw li s-suppost “stat” proklamat minnhom infushom, qed jisfaxxa kemm fl-Iraq kif ukoll fis-Sirja.
F’Diċembru tas-sena l-oħra, terrorista b’rabta mal-ISIS kien saq trakk f’suq tal-Milied f’Berlin fejn inqatlu 11-il persuna u 56 oħra kienu feruti, uħud minnhom gravi.
Il-Papa Franġisku fl-1 ta’ Novembru ta’ din is-sena, iddedikat lill-Qaddisin Kollha talab għall-vittmi tal-aħħar attakki li seħħew madwar id-dinja u qal “Nitolbu lil Alla biex jikkonverti l-qlub tat-terroristi u jeħles lid-dinja mill-mibegħda u l-ġenn omiċida li jabbuża mill-isem ta’ Alla biex ixerred il-mewt”.
Sadanittant il-Pulizija Taljana mistennija żżid il-miżuri tas-sigurtà madwar il-Vatikan fi żmien il-Milied, meta hu magħruf li jinġabru eluf kbar ta’ nies, fosthom ħafna turisti biex jieħdu sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet li jsiru mill-Papa.